NGOs joġġezzjonaw għal darb’oħra kontra l-proġett ta’ db Group fuq is-sit tal-ITS

Għaxar għaqdiet mhux governattivi għal darb’oħra oġġezzjonaw għall-proġett ta’ db Group fuq dak li kien is-sit tal-ITS.

L-għaqdiet governattivi – BirdLife, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth, Green House, Moviment Graffitti, Nature Trust, Rota, Sustainable Built Environment, u l-Archaeological Society – saħqu li l-pjani l-ġodda ma jindirizzawx it-tħassib li tqajmu ripetutament matul dawn l-aħħar tliet snin b’rabta ma’ dak li huma ddeskrivew bħala żvilupp massiċċ u intensiv f’żona residenzjali viċin żewġ siti ta’ Natura 2000.

Huma stiednu lill-pubbliku biex joġġezzjona għall-proġett mal-Awtorità tal-Ippjanar permezz ta’ formola sa nhar il-Ġimgħa li ġej.

 Mill-pjanti l-ġodda għall-proġett, l-għoli massimu tnaqqas minn 31 sular għal 17, biex issa se jkun qed jikkonsisti minn żewġ torrijiet ta’ 17-il sular u lukanda ta’ 12-il sular.

L-NGOs intant fl-istqarrija maħruġa minnhom qalu li minkejja li l-pjani qed jindikaw li l-proġett ntaqqas, fil-verità t-tibdil huwa wieħed minimu, hekk kif il-proġett propost issa jinkludi żewġ torrijiet minflok wieħed, u s-sulari kumplessivi se jkunu qed jiżdiedu bi tlieta mill-pjanti preċedenti.

L-organizzazzjonijiet insistew li l-volum ta’ attività marbut mal-proġett se jkun insostenibbli u se jkun qed inaqqas mill-kwalità tal-ħajja għal eluf ta’ residenti u viżitaturi tal-lokalitajiet.

Share With: