Muscat jirtira l-appell ta’ qabel il-ġuri fuq il-qtil ta’ Daphne

Vince Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu”, irtira l-appell li kien ressaq fl-istadju ta’ qabel ma jinstema l-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Qabel kull ġuri l-avukati tal-persuna akkużata u dawk mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jagħmlu s-sottomissjonijiet fosthom dwar ix-xiehda li trid tkun tinstema.

Kien waqt is-smigħ quddiem il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Giovanni Grixti li l-Avukat Marc Sant irtira l-appell f’isem il-klijent tiegħu.

Muscat se jkun akkużat bil-qtil li seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017 fil-Bidnija u miegħu se jgħaddu ġuri l-aħwa George u Alfred Degiorgio.

Dwar dan il-qtil mistenni jgħaddi wkoll ġuri n-negozjant Yorgen Fenech li jinsab mixli b’kompliċità.

Share With: