Mixlija li kellha fil-pussess tagħha 47 qartas kokaina

Mara ta’ 48 sena minn Santa Luċija baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv wara li ġiet mixlija bil-pussess ta’ 47 qartas kokaina li nstabu f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tagħha.

Sandra Schieda tressqet quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fejn wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha mill-Ispettur Alfredo Mangion.

L-Ispettur Mangion spjega fil-Qorti kif il-pulizija kienet waslitilha informazzjoni li kienet qed issir attività ta’ droga f’residenza f’Santa Luċija. Qal li s-Sibt li għadda l-Pulizija daħlet f’din ir-residenza u hemm sabet id-droga. 

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest tagħha, bil-Prosekuzzjoni topponi minħabba li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u li għad baqa’ xi persuni li għad iridu jiġu mitkellma. 

Minħabba l-fatt li l-istħarriġ tal-Pulizija għadu għaddej, il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li l-mara tinżamm arrestata fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

L-Avukat Franco Debono deher għall-mara. 

Share With: