Missier ħati li sforza lil ibnu ma’ prostituta kkundannat tmien snin ħabs wara li ġiegħlu jagħmel hekk biex ma jitlax gay

Raġel ta’ 65 sena mis-Siġġiewi kien ikkundannat tmien snin ħabs wara li nstab ħati li ġiegħel lil ibnu jkollu x’jaqsam ma’ prostituta biex ma jitlax gay. 

Il-każ seħħ madwar ħames snin ilu meta t-tifel kien għad kellu biss seba’ snin. B’hekk illum huwa għandu 12-il sena. Kienu żewġ prostituti li għamlu rapport mal-Appoġġ dwar dan il-każ u din għaddietu lill-Pulizija. 

Mill-istħarriġ irriżulta li l-missier kien jieħu waħda min-nisa għall-prostituzzjoni fil-Marsa u ġieli kien jisfurzaha jkollha x’taqsam sesswalment ma’ ibnu. Il-missier għandu żewġt iqraba li huma gay u ġiegħel lil ibnu jkollu x’jaqsam mal-prostituta biex ma jkunx omosesswali. 

Meta l-Pulizija, flimkien ma’ social worker’, kellmu lit-tifel saru jafu li l-missier kien heddu jekk jitkellem jitfgħu f’istitut.  Għalkemm wieġeb mhux ħati, il-Maġistrat Audrey Demicoli emmnet il-verżjoni taż-żewġ prostituti u t-tifel u ikkundannat lill-missier għal tmien snin ħabs. Minbarra l-piena ta’ ħabs hija ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin fuq it-tifel u ż-żewġ nisa li kienu x-xhieda ewlenin f’dan il-każ.

Il-prosekuzzjoni f’din il-kawża tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u John Spiteri li investigaw ir-rapport. 

Share With: