Minuri fi vjaġġi ta’ tama… “l-agħar ħaġa fil-vjaġġ kienet li tlift il-verġinità”
Minn Victor Vella
Is-sena 2020 kienet sena oħra li fiha bqajna naraw għadd ta’ tfal jaħarbu minn pajjiżhom, xi drabi waħidhom fi vjaġġ għal tama aħjar. Anki matul l-ewwel xahar u nofs ta’ din is-sena, qed naraw ammont ta’ tfal ikunu salvati, wara ġimgħat u xhur ta’ vjaġġi. Stħarriġ li qed isir minn UNICEF u li se jkun pubblikat fix-xhur li ġejjin, dwar minuri li jivvjaġġaw mill-Afrika, b’ħafna minnhom jagħmlu l-vjaġġ ta’ tama lejn l-Ewropa, qed jiġi stabbilit li kien hemm 8 fil-mija tat-tfal intervistati li spiċċaw jivvjaġġaw mat-traffikanti stess. Ġie stabbilit ukoll li ammont minnhom spiċċaw imsawwtin, oħrajn spiċċaw detenuti u oħrajn imġiegħlin jaħdmu ’xogħol sfurzat’.
Dawn il-konklużjonijiet spjegathom Iolanda Genovese, mid-Dipartiment tar-Riċerka tal-UNICEF, f’attività ‘onlajn’ li ġiet organizzata u li fiha ġiet diskussa l-immigrazzjoni ta’ minuri.
L-istudju ġabar informazzjoni mill-Eġittu, Sudan, l-Etjopja u s-Somalja. B’kollox ġew intervistati xejn inqas minn 1,634 persuna ta’ bejn 14 u 17-il sena, li kienu qed jivvjaġġaw. Kien hemm ukoll intervisti minn persuni oħra bejn 18 u 24 sena. Dan sar bejn April tas-sena 2019 u Jannar tas-sena 2020. Fix-xhur li ġejjin se jkun qed jinħareġ rapport dettaljat.
Ir-rapport stħarreġ tlett oqsma li jwasslu biex it-tfal jitilqu minn pajjiżhom. Fost dawn hemm vulnerabbilitajiet fil-pajjiż fejn ikunu qed jgħixu, kwistjoni soċjali, motivazzjonijiet u aspirazzjonijiet u anke impatt mid-dinamika fil-familja li jkunu qed jgħixu fiha.
L-istess rapport stħarreġ ir-riskji li jiffaċċjaw dawn il-minuri u l-esperjenzi tagħhom f’fażijiet differenti fil-vjaġġ tagħhom. L-istess rapport stħarreġ is-servizzi ta’ aċċess jew in-nuqqas tagħhom.
Mill-istudju joħroġ li fost t-tfal intervistati, 57 fil-mija kienu tas-sess maskili u 43 fil-mija kienu ta-sess femminili. Apparti dan, 82 fil-mija ta’ dawk intervistati kienu għadhom għaddejjin bil-vjaġġ tagħhom waqt li 17 fil-mija kienu ddeċidew li jirritornaw pajjiżhom.
Interessanti hu l-fatt li 76 fil-mija tat-tfal u minuri intervistati qalu li kienet deċiżjoni tagħhom li jitilqu minn pajjiżhom.
Ħareġ li 16 fil-mija ivvjaġġaw waħidhom waqt li 83 fil-mija ivvjaġġaw ma’ persuni oħra. Dawk li vvjaġġaw ma’ ħaddieħor, kien hemm 50 fil-mija minnhom li vvjaġġaw ma’ familji, 36 fil-mija ivvjaġġaw ma’ ħbieb, 26 fil-mija ivvjaġġaw ma’ membri tal-familja, 32 fil-mija ivvjaġġaw ma’ persuni li ma jafuhomx waqt li 8 fil-mija tat-tfal ivvjaġġaw ma’ traffikanti tan-nies.
Għaliex telqu minn pajjiżhom?… 48 fil-mija minħabba s-sigurtà
L-istudju stħarreġ fost dawn it-tfal ir-raġunijiet għaliex dawn il-minuri jitilqu minn pajjiżhom. Kien hemm 48 fil-mija li qalu li jagħmlu dan għas-sigurtà tagħhom, waqt li 67 fil-mija indikaw ir-raġuni bħala waħda ekonomika. Kien hemm 25 fil-mija ta’ dawk intervistati li indikaw kemm is-sigurtà u kemm l-aspett ekonomika bħala ir-raġuni għaliex telqu minn pajjiżhom.
X’tip ta’ theddid iffaċċjaw fil-vjaġġ migratorju?
Minn dan l-istħarriġ irriżulta li waqt dan il-vjaġġ, xejn inqas minn 55 fil-mija tal-minuri ħassewhom imbeżża ħafna, waqt li 39 fil-mija spiċċaw imsawwtin u mweġġgħin fiżikament. 30 fil-mija ta’ dawk intervistati qalu li fil-vjaġġ tagħhom spiċċaw detenuti. Kien hemm 21 fil-mija li qalu li huma kienu sfurzati jaħdmu.
Wieħed mit-tfal fl-esperjenza tiegħu qal li “t-tfal kienu jorqdu fuq l-asfalt, li fix-xitwa jkun kiesaħ ħafna. Fis-sajf imbagħad ikun sħun ħafna. Din hi s-sitwazzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni fuq il-fruntieri.
Tfalja ta’ 18-il sena mill-Etjopja fl-esperjenza tagħha qalet li “kien hemm lejl li jien iffaċċjajt problemi kbar. Ma nistax nitkellem dwarha. Il-Pulizija bdew jitkellmu bejniethom u bdew jgħidu li sakemm ‘hi qiegħda hawn aħna nistgħu nieħdu gost’. Li tlift il-verġinità waqt il-vjaġġ kienet l-agħar ħaġa li ġratli.”
Kif tiddeskrivi l-aħħar fruntieri li qsamt?
Fl-istudju il-minuri ġew mistoqsijin kif jiddeskrivu l-aħħar fruntiera li għaddew minnhom. 31 fil-mija qalu li huma jarawha bħala li post li setgħu isibu għajnuna waqt li 59 fil-mija ħassew li kienu waħidhom. Mistoqsijin dwar jekk ħassewx li l-awtoritajiet kienu qed jagħtu każ il-bżonnijiet tagħhom fuq il-fruntieri, 20 fil-mija qalu li raw uffiċjali li ħadu ħsiebhom, waqt li 64 fil-mija qalu li l-awtoritajiet ma tawx każ tal-bżonnijiet tagħhom.
L-istess minuri qalu li 46 fil-mija ħassew siguri fl-aħħar fruntiera u 44 fil-mija qalu li ma ħassewhomx siguri. Mistoqsijin dwar jekk għaddewx minn fruntieri uffiċjali jew mhux uffiċjali, 54 fil-mija qalu li għaddew minn fruntieri uffiċjali u 33 fil-mija għaddew minn fruntieri mhux uffiċjali.
37 fil-mija ippruvaw jidħlu fi skola u kienu mċaħħdin…23 fil-mija ġew imċaħħdin minn kura medika
L-istudju juri ukoll minn xhiex kien imċaħħdin dawn il-minuri fil-vjaġġ għal ħajja aħjar. Filfatt 37 fil-mija tat-tfal u minuri intervistati qalu li ppruvaw jedukaw ruħhom billi jidħlu fi skola iżda ġew imċaħħdin minn dan. 32 fil-mija fittxew assistenza legali iżda din ma ingħatatilhomx. Kien hemm ukoll 32 fil-mija li ġew imċaħħdin minn ‘ħaddiema soċjali’ b’xi wħud jgħid li dawn ma kienux disponibbli jew ma kienux jafu x’inhu ‘ħaddiem soċjali’, 29 fil-mija kienu mċaħħdin minn ‘councellor’, waqt li 23 fil-mija ġew imċaħħdin minn kura medika. Kien hemm ukoll 23 fil-mija li qalu li ġew imċaħħdin minn post ta’ kenn, waqt li 19 fil-mija ġew imċaħħdin mill-opportunità li jingħaqdu mal-familjari.
Xejn inqas minn 50 fil-mija qalu li dawn iċ-ċaħdiet kienu marbutin minħabba l-ispiża finanzjarja jew stigma.
Lil min jafdaw it-tfal?…jafdaw l-aktar lill-għaqdiet
non governattivi internazzjonali
Ma tistax ma tistaqsix lil dawn it-tfal minuri lil min jafdaw l-aktar waqt li jkunu fil-vjaġġ tagħhom għal ħajja aħjar. 66 fil-mija qalu li l-aktar li jafdaw huma lill-għaqdiet non governattivi internazzjonali, 61 fil-mija jafdaw l-aktar lill-għalliema, 60 fil-mija jafdaw lill-mexxejja reliġjużi u 54 fil-mija jafdaw ħaddiema soċjali. L-inqas fdati huma uffiċjali governattivi u l-Pulizija, b’persentaġġ ta’ 36 fil-mija u 35 fil-mija rispettivament. Mill-istudju joħroġ ukoll li huma jaħsbu ħafna qabel ifittxu l-għajnuna u dan minħabba l-biża’ li jitwaqqfu mill-vjaġġ.