Min akkużat b’xiex fl-aħħar arresti dwar qtil …

L-akkużi li tressqu fil-konfront tal-erba’ persuni li tard l-Erbgħa filgħaxija ġew mixlijin b’involviment fid-delitti tal-Avukat Carmel Chircop u Daphne Caruana juru li fl-ewwel każ il-Pulizja temmen li kien Adrian Agius il-moħħ.

Agius, li għandu 42 sena u joqgħod il-Mellieħa, tressaq fil-Qorti ma’ ħuh Robert ta’ 37 sena mir-Rabat, Jamie Vella ta’ 37 sena mill-Mosta u George Degiorgio ta’ 58 sena li kien joqgħod San Pawl il-Baħar u bħalissa qed jinżamm fil-Ħabs.

Adrian Agius kien mixli li kien kompliċi fil-qtil tal-Avukat Chircop billi ordna lil Vella u Degiorgio biex joqtluh waqt li dan it-tnejn ġew mixlijin bl-eżekuzzjoni tad-delitt.

Il-qtill kien seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2015 fir-Rampol Buildings, kumpless ta’ garaxxijiet li wieħed minnhom kien tal-imsemmi avukat. Dr Chircop inqatel b’erba’ tiri ta’ pistola.

Robert Agius u Vella kienu mixlijin ukoll li ipprovdew il-bomba li fis-17 ta’ Ottubru 2017 qatlet lil Caruana Galizia fil-Bidnija wara li twaħħlet mal-karozza tal-kiri li kienet tuża.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Goerge Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjun mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri.

L-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għall-aħwa Agius waqt li l-Avukat William Cuschieri deher għal Degiorgio kif qed jagħmel fil-każ dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Mistoqsijin x’jaħdmu l-aħwa Agius wieġbu li fil-kostruzzjoni, Vella li ma jaħdimx mentri Degiorgio ma lissinx kelma.

B’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia l-Pulizija temmen li issa ressqet lil dawk kollha involuti. 

Minbarra Muscat, li ammetta u weħel 15-il sena ħabs, l-aħwa Degiorgio li għad iridu jgħaddu ġuri u issa Robert Agius u Vella jinsab mixli wkoll in-negozjant Yorgen Fenech li l-Pulizija temmen li kien il-moħħ wara d-delitt.

Melvin Theuma, li l-Pulizija temmen li serva bħala sensar bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio, ingħata l-maħfra presidenzjali bil-kundizzjoni li jikxef dak li jaf fuq il-qtil.

… u x’titlob eżatt il-proklama mingħand Muscat

L-aħħar żviluppi kemm dwar min seta ipprovda l-bomba li qatlet lil Caruana Galizia u dwar il-qtil tal-Avukat Chircop seħħew wara li Muscat kien ikkundannat 15-il sena ħabs u ngħata maħfra presidenzjali biex jgħid dak kollu li jaf fuq il-qtil tal-2015.

Muscat irid jimxi ma’ disa’ kundizzjonijiet jekk ma jridx li l-maħfra presidenzjali tiġi revokata.

L-ewwel kundizzjoni hija li jgħid l-istorja kollha “mill-bidu sal-aħħar” dwar min qabbad lil min, kif kien ippjanat id-delitt u kif sar.

It-tieni kundizzjoni tobbligah li jikxef l-identitajiet ta’ min kien il-mandant, jew mandanti.

It-tielet waħda torbtu li jixhed min kien dak, jew dawk, li wettqu d-delitt jiġifieri li sparaw lill-avukat.

Fir-raba’ kundizzjoni huwa qed jintrabat li jgħid kemm irċieva flus mingħand il-mandant jew min wettaq id-delitt.

Il-ħames kundizzjoni tobbligah li jgħid kif jaf lill-mandant jew lil min wettaq id-delitt.

Fis-sitt waħda Muscat ġie obbligat jgħid x’arma, jew armi, intużaw fid-delitt u x’ġara minnha jew minnhom.

Is-seba’ kundizzjoni torbtu li jgħix x’kienet il-karozza li ntużat biex il-qattiela marru fuq il-post, fejn inżammet qabel, fejn ittieħdet wara u x’ġara minnha.

It-tmien kundizzjoni tgħid li huwa jrid jgħid ir-rotta li ħadet il-karozza sabiex titlaq minn fuq ix-xena tad-delitt.

Id-disa’ u l-aħħar kundizzjoni tal-maħfra presidenzjali torbot lil Muscat biex jagħti kull dettall ieħor dwar id-delitt inkluż persuni oħra li setgħu kienu involuti.

Il-maħfra mill-President George Vella ngħatat wara negozjati bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat Marc Sant li deher għal Muscat.

Share With: