Mijiet ta’ appartamenti tal-housing sal-2022

Minn Claudio Coleiro

Bejn din is-sena u s-sena d-dieħla l-Gvern se jipprovdi mijiet ta’ appartamenti lil dawk il-familji li huma ġenwinament fil-bżonn biex ikunu jistgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid u jimxu ‘l quddiem.

Kien il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li żvela dan f’intervista ma’ Inewsmalta dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin f’siti ta’ housing soċjali madwar il-pajjiż.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Ministru Galdes żar numru ta’ siti ta’ housing soċjali madwar il-pajjiż, b’ħafna minnhom jinsabu fi stadju avvanzat. B’kollox se jkunu qed jinbnew 1,700 unit ġdid ta’ housing soċjali mifruxa f’diversi lokalitajiet.

“Wieħed irid jara minn fejn tlaqna. Dawn huma binjiet li qed nagħmlu madwar il-pajjiż. Mhux faċli tagħmel proġett bħal dan. Daħlu ħafna regolamenti tal-bini. Hemm ħafna xhur ta’ stennija fejn jidħlu permessi. Wieħed irid isegwi r-regolamenti għax-xiri pubbliku biex tkuntista’ toħroġ it-tenders pubbliċi,” qal il-Ministru Galdes.

Huwa stqarr li llum il-ġurnata qed naraw il-frott ta’ tliet snin ħidma għal dawn l-appartamenti fejn f’Birkirkara x-xogħol jinsab fi stadju avvanzat ħafna u miexi ġmielu x-xogħol f’siti oħra fosthom f’Ħ’Attard, Ħal Kirkop u s-Siġġiewi.

Intant, lill-Ministru Galdes staqsejnieh ukoll dwar id-domanda li hemm bħalissa għall-housing soċjali u jekk rawx żieda anke f’dan iż-żmien ta’ pandemija. 

Huwa stqarr li għax dan il-Gvern ħadem bilgħaqal, komplew jiżdiedu l-ammont ta’ djar offruti għal skop ta’ housing fl-istess waqt li naqsu wkoll il-listi ta’ stennija fejn bħalissa hemm madwar 2,300 applikazzjoni quddiem l-Awtorità tad-Djar, 7,000 inqas minn dak li kien hemm fl-2013. 

“Għandna l-1,700 unit ta’ housing soċjali u b’hekk se nkomplu nagħtu daqqa kbira fil-lista ta’ stennija. Din il-pandemija ħalliet effetti però lqajnielha permezz tal-benefiċċju tal-kera. Meta faqqgħet il-pandemija u bdejna naraw li diversi persuni setgħu jispiċċaw mingħajr xogħol jew jonqsilhom id-dħul tagħhom, l-ewwel miżura li tajna bħala appoġġ, kien li ngħollu l-benefiċċju tal-kera b’mod temporanju għal dawk li jkunu għaddejjin minn din is-sitwazzjoni. Iktar minn hekk, tajna 80% tal-ħlas kollu tal-kera privata lil min kien qed jgħix f’kera privata,” tenna l-Ministru Galdes. 

Huwa żied jgħid ukoll li l-kriterji li fuqhom se jkunu magħżulin l-applikanti huma means tested permezz tad-dħul tagħhom, il-kundizzjoni ta’ saħħithom, l-età, id-diżabiltà u jekk għandhomx bżonn għajnuna permezz tal-benefiċċji soċjali.

“Dawn naħseb li huma l-parametri ġusti li dejjem ħadmet bihom l-Awtorità tad-Djar biex tidentifika dawk il-każijiet ġenwini li jkollok,” tenna l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes. 

Share With: