Mijiet jinżlu jipprotestaw kontra t-tmexxija militari f’Myanmar

Mijiet ta’ persuni niżlu fit-toroq tal-belt ewlenija ta’ Myanmar, Yangon, biex jipprotestaw kontra il-kolp ta’ stat imwettaq mill-militar aktar kmieni din il-ġimgħa.

“Dittatorjat militari, falliment, falliment; Demokrazija, rebħa, rebħa,” bdew jgħajtu n-nies f’dik li hija meqjusa bħala l-akbar protesta mindu l-militar ħadu l-kontroll tal-pajjiż.

Id-dimostranti talbu għall-ħelsien tal-mexxej elett Aung San Suu Kyi u persuni oħrajn li qed jinżammu arrestati mill-armata.

Il-protesta żvolġiet minkejja l-isforzi tal-militar biex twaqqaf lin-nies milli timmobilizza fit-toroq billi għalqet l-aċċess għall-midja soċjali fil-pajjiż.

Ilbieraħ filgħaxija, Telenor, wieħed mill-kumpaniji ewlenin li jipprovdi servizz ta’ internet, ikkonfermat li irċeviet ordni biex twaqqaf kull aċċess għal Twitter u Instagram sakemm tirċievi notifika oħra.

Il-mexxejja tal-kolp ta’ stat nhar il-Ħamis li għadda imblokkaw il-pjattaforma soċjali Facebook għal raġunijiet ta’ “stabilità”.

Intant aktar kmieni dalgħodu rapporti li ma ġewx konfermati kienu jgħidu li l-aċċess għall-internet ingħalaq għal kollox.

L-avukat ta’ Aung San Suu Kyi qal li hija attwalment tinsab taħt house arrest. Dokumenti tal-Pulizija jindikaw li hija qed tiġi akkużata bl-import illegali u l-użu ta’ ekwipaġġ ta’ komunikazzjoni – walkie-talkies – fid-dar tagħha f’Nay Pyi Taw.

Share With: