“Micallef Stafrace ħalla marka fix-xena politika u soċjali”… tingħata l-aħħar tislima lill-eks-politiku, avukat u ġurnalist

“Joe Micallef Stafrace għex ħajja twila u mżewwqa. Kienet ħajja li kien fiha minn kollox. Għadda minn ħafna tbatijiet u sodisfazzjonijiet imma kien imwieżen mill-fidi u minn martu Yvonne. Il-kontribut tiegħu ħalli marka fix-xena politika u soċjali”.

Kien b’dawn il-kliem li Patri Joseph Ellul sellem il-memorja tal-eks-politiku, avukat u ġurnalist li miet fid-29 ta’ Jannar li għadda fl-età ta’ 88 sena.

Micallef Stafrace ingħata l-aħħar tislima fil-Parroċċa ta’ San Duminku tal-Belt fejn għex tfulitu bil-quddiesa kienet konċelebbrata mill-kappillan, Patri Michael Camilleri.

Fl-omelija tiegħu Patri Ellul sostna li Micallef Stafrace kellu l-ħila unika li jagħġen il-fidi ma’ xogħlu u ħadem b’risq iż-żgħir.ħ

Huwa iddeskrivih bħala bniedem li kont taf fejn int miegħu tant li kien fdat mill-Istat, mill-Knisja u mill-ġudikatura.

Patri Ellul sostna li t-telfa tiegħu nħasset ukoll fil-parroċċa tagħhom fejn sakemm saħħtu kienet tippermetti kien jattendi l-quddies b’mod regolari bil-post favorit tiegħu kien ikun taħt il-pulptu.

Wara l-omelija n-neputijiet ta’ Micallef Stafrace qraw messaġġi qosra li fihom sellmu l-memorja ta’ nannuhom.

Minbarra familjari preżenti għall-quddiesa kien hemm, fost oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela, l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Preżenti wkoll kien hemm ministri u deputati parlamentari kif ukoll membri tal-ġudikatura u avukati.

X’ħin it-tebut kien ħiereġ mill-knisja nltaqa’ b’ċapċip minn dawk preżenti li marru jsellmu l-memorja ta’ Micallef Stafrace.

Share With: