“Mhedded” id-dritt ta’ privatezza mill-Unjoni Ewropea
Minn Victor Vella
Illum hi mifruxa sew il-prattika jew użanza li jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni fejn dak li jkun jikteb messaġġi imma dawn l-istess messaġġi jkunu ‘end to end encyption’, jiġifieri sistema ta’ komunikazzjoni fejn huma biss dawk li qed jikkomunikaw li jkunu jistgħu jaraw dawk il-messsaġġi. Diversi sezzjonijiet u persuni llum iħossuhom komdi u sigurti jużaw din it-tip ta’ komunikazzjoni għal għanijiet varji.
Illum, attivisti, ġurnalisti u ħafna oħrajn jużaw dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni ‘end to end encryption’ u jħossuhom liberi li fihom iwasslu messaġġi mingħajr ebda biża’ li dak l-istess messaġġ jispiċċa f’idejn min joffri s-servizz. Jidher li issa dan is-servizz sigur, u li spiss jintuża minn attivisti, jinsab taħt theddida. Jidher li l-Unjoni Ewropea bl-iskuża ta’ abbużi sesswali fuq it-tfal, qiegħda taħdem fuq strateġija li se tkun qed thedded il-privatezza ta’ dan is-servizz. Id-direzzjoni li qed taħdem fuqha l-Unjoni Ewropea permezz tal-Kummissjoni Ewropea qed titqies minn attivisti bħala li hi ‘theddida fuq id-dritt ta’ privatezza”. Irid jingħad li fil-prinċipju din is-sistema ta’ ‘end to end encryptian’ tipprevjeni kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, jew kumpaniji tal-internet u anke lil min ikun qed jipprovdilek is-servizz, milli jaċċessa dik l-istess konversazzjoni.
Attivist li tkellem ma’ Inewsmalta qalilna li “dak propost hu inkwetanti. Hi xi ħaġa li hawn min donnu ma jridx li din il-kwistjoni tingħata l-attenzjoni li jixraqilha. Hemm min irid li din titħalla taħt it-tapit. Dan hu tentattiv biex jiġi attakkat id-dritt ta’ privatezza tal-individwi. Qed naraw attakki sottili fuq movimenti li jorgranizzaw protesti u manifestazzjonijiet. Ħafna minn dawn jiġu organizzati jew ikunu hemm appelli fuq sistemi li jaħdmu bl-‘end to end encryptian’. Issir hemmhekk għax dak li jkun iħossu sigur. Konxju li dak il-messaġġ ma jistax jiġi interċettat. Lanqas min qed jipprovdilek is-servizz ma jista’ jarah. Dak li qed jippruvaw jagħmlu hu ta’ theddida għal dan id-dritt taċ-ċittadini. Hi ħasra li din it-theddida fuq dan id-dritt bdiet bil-moħbi eżattament f’nofs pandemija meta in-nies kienu qed jaħsbu u inkwetati bit-theddida fuq saħħithom”.
L-istess attivist spjegalna li “kollox beda f’Lulju tas-sena li għaddiet. Il-Kummissjoni Ewropea kienet użat dak il-mument u pproponiet strateġija, fejn skont hi din kienet biex tindirizza u tikkumbatti it-tixrid ta’ materjal marbut mal-abbuż sesswali.”
L-istess attivist saħaq li “ma rridx ninftiehem ħażin. Hi xi ħaġa importanti li t-tixrid ta’ materjal marbut mal-abbuż sesswali jiġi trattat. Dak propost iżda hu intiż li jtemm l-‘end to end encyptian’. Dan meta jafu li din is-sistema tintuża minn ġurnalisti, attivisti u oħrajn biex jipproteġu lilhom infushom fosthom minn reġimi totalitarji.”
L-attivist, issemmi li “d-dokument jitkellem b’mod ċar ħafna, li l-Encryptian hi theddida u għandha tkun indirizzata.”
Jenfasizza li “messaġġ encrypted, hu xi ħaġa assoluta. Ma jistax ikollhom aċċess għalih. B’dak li jidher li qed jipproponu, iridu joħolqu tieqa u dan biex ikun hemm soluzzjoni teknika, jiġifieri li jkun hemm sistema fejn messaġġi li jkunu qed jintbagħtu ikunu jistgħu jiġu interċettati. Qed nitkellem fuq sistemi bħal Whatsapp, Signal u Proton Mail (https://protonmail.com) fost oħrajn.”
Jispjega li meta jintużaw mails jew chat networks, il-messaġġi li jintbagħtu jgħaddu minn. diversis intermedjarji u jkunu maħżuna f’sistema oħra mmexxija minn terzi. Dawn ikunu aċċessibbli minn dawk li jkunu qed jipprovdu is-servizz. Dan iwassal biex terzi jistgħu jaraw dawk l-istess messaġġi. Fejn jidħol l-‘end to end encryptian’, l-għan hu li dan jipprevenji milli informazzjoni tispiċċa f’idejn terzi jew tkun modifikata mill-istess terzi. F’din is-sistema kumpaniji terzi ma jkunux jistgħu jaraw dawk il-messaġġi. Kumpaniji li jużaw ‘end to end encryptian ma jkunux jistgħu jgħaddu messaġġi tal-konsumaturi tagħhom lill-awtoritajiet” jgħidilna l-attivist.