Meghan u l-Prinċep Harry iħabbru li qegħdin jistennew it-tieni tarbija tagħhom

Miktub minn Carmen Cachia

Il-kelliem tal-koppja famuża, Meghan Markle u l-Prinċep Harry, ta l-aħbar sabiħa li se jkollhom it-tieni tarbija tagħhom. Il-koppja Sussex li għażlu li jitilqu mir-Renju Unit u waqqfu mill-impenji rjali tagħhom biex jgħixu ħajja ta’ familja “normali” fl-Istati Uniti għandhom iben, Archie, li għandu 19-il xahar.

“Nistgħu nikkonfermaw li Archie se jkollu oħt jew ħuh iżgħar. Id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex huma ferħanin se jtiru li se jkollhom it-tieni tarbija tagħhom,” qal dan il-kelliem.

Din l-aħbar ħarġet kważi 37 sena wara li l-Prinċep Karlu u l-Prinċipessa Diana ħabbru li kienu qegħdin jistennew it-tieni tarbija tagħhom, li kien proprju l-Prinċep Harry.

Sors viċin tal-koppja Sussex qal li huma taw l-aħbar minn qabel lill-qraba tagħhom qabel ma qasmuha mal-bqija tad-dinja. L-aħbar mill-koppja ħarġet akkumpanjata ma’ ritratt tal-koppja fi ġnien fejn Meghan tidher li għandha tqala avvanzata mhux ħażin.

Kellim għall-Palazz ta’ Buckingham qal lis-CNN li r-Reġina Eliżabetta, il-Prinċep Philip, il-Prinċep Charles u l-familja rjali Ingliża kollha huma “ferħanin ħafna” u jixtiequlhom ir-risq.

Din it-tqala ġiet wara esperjenza pjuttost kerha li kellhom jgħaddu minnha l-Prinċep Harry u Meghan fis-sajf li għadda, meta tilfu tqala (miscarriage). Huma kienu tkellmu fil-pubbliku dwar din it-telfa fejn Meghan esprimiet id-dwejjaq, id-diffikultajiet u l-uġigħ ta’ qalb li tgħaddi minnha koppja meta titlef tqala.

Share With: