Mediċina li tiswa €3,000 fix-xahar se tingħata b’xejn

Il-Gvern se jibda jagħti b’xejn mediċina għal kontra l-kanċer avvanzat li kieku tinxtara l-pazjent irid iħallas €3,000 fix-xahar.

Kien id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li ħabbar dan waqt żjara fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo fil-Jum Dinji tal-Kanċer.

Fearne spjega kif bl-inklużjoni tal-Everolimus fil-formularju tal-mediċini b’xejn se jibdew igawdu madwar 10 pazjenti fis-sena li kieku kien ikollhom iħallsu mat-€30,000 jekk il-kura ddum għal sena.

Huwa spjega li b’din il-mediċina b’xejn se jkunu telgħu għal 13 in-numru ta’ mediċini tal-kanċer li fl-aħħar snin bdew jingħataw bla ħlas u l-Malta Community Chest Fund se tiffranka €17 miljun.

Fearne ħabbar ukoll li se jiżdiedu għal tmienja dawk li jissejħu ‘nurse navigators’, sistema imnedija mill-Gvern li jalloka infermier għal pazjent tal-kanċer biex jgħinu f’dan iż-żmien diffiċli.

Huwa semma wkoll kif se jissaħħaħ is-servizz tat-‘tele medicine’ fejn pazjenti li jkunu ħadu kura għall-kanċer tal-prostata ma jkollhomx għalfejn imorru l-isptar għaċ-‘check-ups’ imma jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-istaff mediku minn fuq il-mezzi ta’ telekomunikazzjoni.

Fearne spjega wkoll li bit-twaqqaf tal-‘call centres’ żdiedu l-persuni li qed jaċċettaw li jagħmlu ‘screening’ għal tipi differenti ta’ kanċer fosthom dak tas-sider li minn 60% tela għal 70%.

Preżenti għaż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, li semma kif mill-85 proposta elettorali tal-Gvern twettqu 71% waqt li elenka l-ħidma li l-istess Gvern qed jagħmel f’dan il-qasam.

Share With: