Mara ta’ 30 sena tmut kaġun tal-Covid-19

Mara ta’ 30 sena mietet waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19. Hija kienet qed tirċievi l-kura f’St Thomas Hospital. Dan kien konfermat mill-Ministeru għas-Saħħa fl-aġġornament li jingħata ta’ kuljum. Fl-aħħar 24 siegħa mietet ukoll anzjana ta’ 83 sena fl-Isptar Mater Dei, u anzjan ta’ 67 sena fl-Isptar Monte Karmeli. Dan wassal biex in-numru tal-vittmi issa tela’ għal 311.

Intant minn 3,743 swab test li saru lbieraħ kienu reġistrati 192 każ ġdid. Fl-istess waqt kien hemm 185 persuna li rkupraw mill-virus, biex in-numru tal-każi attivi issa jammonta għal 2,508.

Il-Ministeru għas-Saħħa qal ukoll li sal-bieraħ ġew amministrati 71,562 doża tal-vaċċin, b’22,501 persuna jirċievu wkoll it-tieni doża.

Intant fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa qal li l-mara ta’ 30 sena ddaħħlet l-isptar, mid-Dar tal-Providenza fit-18 ta’ Frar. 

Il-pazjenta kienet tbati minn kundizzjonijiet ta’ saħħa.  

Il-Ministeru żied jgħid li fid-Dar tal-Providenza beda jingħata t-tilqim għall-Covid-19 mill-15 ta’ Frar u s’issa tlaqqmu 75 resident. Il-kumplament se jkunu tlaqqmu sa għada, il-Ġimgħa. 

Share With: