Mara mhux ħatja li weġġgħet sitta f’ħabta

Omm li kienet qed issuq il-karozza meta baqgħet dieħla f’oħra ma nstabitx ħatja li weġġgħet lis-sitt passiġġġieri li kienu fihom hekk kif jidher li l-vettura tagħha setgħet skidjat minħabba żrar fit-triq.

Ramona Vella kienet mixlija li fit-18 ta’ Novembru 2018, għall-ħabta tal-4.00 p.m. fil-bypass tal-Ħamrun/Marsa, saqet Renault Espace bi traskuraġni.

Hija kienet mixlija wkoll li ikkaġunat ġrieħi gravi lil Jesmine Zerafa, Kenzie Mercieca u Gabriella Vella kif ukoll feriti ħfief lil Mario Charles Parascandolo, Jan Parascandolo u Katarazyna Parascandolo.

Vella ġiet akkużata wkoll li ikkaġuna ħsara lill-vettura BMW ta’ Mario Parascandolo.

Fil-kawża, li nstemgħet quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, irriżulta li Vella kienet qed issuq fid-direzzjoni tal-Marsa.

Ħdjeha fis-seat ta’ quddiem kien hemm bintha Gabriella waqt li wara kien hemm iż-żewġt iħbieb tat-tifla, Mercieca u Zerafa.

Min-naħa tiegħu Mario Parascandolo kien qed isuq fid-direzzjoni opposta u miegħu kellu lil martu u binhom.

Bl-impatt Gabriella Vella kienet l-iktar li sofriet ġrieħi gravi tant li għal xi żmien kienet fil-periklu tal-mewt.

Vella qalet li waqt li kienet qed issuq ħasset it-triq mhux dritta u minn hemmhekk ‘il quddiem ma tiftakar xejn ħlief li qalgħet daqqa f’rasha.

Mill-inkjesta dwar l-inċident irriżulta mir-rapport tal-Perit Richard Aquilina li kienu għaddejjin xi xogħlijiet fit-triq u li ma kienx hemm ‘central barrier’ fuq is-‘central strip’.

Huwa innota wkoll li din ġiet impoġġija wara kif ukoll li kien hemm xi fdalijiet ta’ ġebel fejn tħaffru l-bejtiet tal-pilastri.

Mir-rapport tal-Inġinier Jean Paul Azzopardi ħareġ li l-verżjoni tal-akkużata kienet veritiera u li għalkemm il-wiċċ tat-triq ingħata t-tarmak ix-xogħol ma kienx lest.

Huwa ikkonkluda li kieku kien hemm ‘crash barrier’ l-inċident ma kienx iseħħ anke għax il-karozzi ma kienux għaddejjin b’veloċità eċċessiva.

Wara li ikkunsidrat il-konklużjonijiet fl-inkjesta u anke x-xhieda, il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li ma setgħetx iżżomm lil Vella responsabbli tal-inċident.

Kien għalhekk li illiberata mill-akkużi miġjubin kontriha mill-Ispettur Wayne Camilleri.

Share With: