Malta t-tielet l-iktar pajjiż bi skart meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fl-UE

Malta għandha t-tielet l-ogħla rata ta’ ġenerazzjoni ta’ skart fid-djar meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE. Ċifri tal-Eurostat għall-2019 juru li matul din is-sena kull persuna f’Malta iġġenerat medja ta’ 694 kilo skart meta l-medja fl-UE kienet ta’ 502 kilos.

Id-Danimarka kienet l-iktar pajjiż li ġġenerat skart ras għal ras bi 844 kilo segwita mil-Lussemburgu b’791 kilo. Ir-Rumanija kellha l-inqas rata, b’280 kilo ġenerat ras għal ras, bil-Polonja u l-Estonja jsegwu bi 336 kilo u 369 kilo rispettivament.

B’kollox matul l-2019 ġew iġġenerati 225 miljun tunellata ta’ skart bil-502 kilos ifissru żieda fuq l-495 kilos tal-2018. Fuq nota pożittiva l-ammont ta’ skart riċiklat kważi ittripla minn 37 miljun tunellata fl-1995 għal 107 miljun tunellata fl-2019.

Dan kien ifisser li ras għal ras l-iskart riċiklat żdied minn 87 kilo kull persuna għal 134 kilo kull persuna. L-ammont ta’ skart iġġenerat mid-djar li spiċċa fil-miżbliet naqas minn 121 miljun tunellata għal 54 miljun tunellata.

Dan kien ekwivalenti għal tnaqqis  minn 286 kilo kull persuna għal 120 kull persuna f’dak li huwa skart li spiċċa fil-miżbliet fl-istess perjodu.

Share With: