Malta involuta f’arrest dwar serq ta’ $100m fi cryptocurrencies

L-arrest ta’ żagħżugħ Malti twassal għal aktar arrestati fl-Ewropa u l-Kanada.

Żagħżugħ ta’ 17-il sena minn Malta huwa fost 10 persuni investigati mill-pulizija ta’ ħames pajjiżi fuq ‘hacking’ ta’ ċelebritajiet li fih insterqu mal-$100 miljun fi ‘cryptocurrencies’.

Kienu l-awtoritajiet tal-Istati Uniti li bdew jinvestigaw rapporti li saru matul is-sena li għaddiet minn diversi persuni magħrufa fosthom ‘influencers’, sportivi u mużiċisti fejn dawn allegaw li kellhom il-‘cryptocurrencies’ misruqa.

Minbarra dawk tal-Istati Uniti u Malta f’din l-operazzjoni kienu involuti wkoll pulizija mir-Renju Unit, il-Belġju u l-Kanada.

L-istħarriġ mill-Pulizija Maltija beda f’Novembru 2019 wara li t-Taqsima tas-Cyber Crime irċeviet informazzjoni mill-Istati Uniti li persuna Maltija daħlet b’mod illegali fi profili tal-Instagram ta’ diversi ċelebritajiet u bdiet tirrikattahom.

Il-persuna suspettata kienet tifforma parti mill-grupp li kien qed jiġi investigat mis-Servizz Sigriet tal-Istati Uniti.

It-Taqsima tas-Cyber Crime u d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji bdew investigaw u arrestaw liż-żagħżugħ ta’ 17-il sena wara li fid-dar tiegħu sabulu diversi oġġetti fosthom apparat elettroniku, ħwejjeġ lussużi u apparat li allegatament inxtra minn ‘credit cards’ misruqin.

L-investigazzjoni dwar dan iż-żagħżugħ għadhom għaddejjin u l-akkużi għadhom ma nħarġux sakemm il-pulizija Maltija u dawk barranin jistabilixxu s-sehem tal-10 persuni arrestati.

Il-Malti u persuna oħra fil-Belġju kienu l-ewwel li ġew arreatati mbagħad fid-9 ta’ Frar li għadda ġew arrestati t-tmienja l-oħra.

L-Ispettur Timothy Zammit mit-Taqsima tas-Cyber Crime tal-Pulizija iddeskriva din l-operazzjoni bħala waħda li turi kemm hija effettiva l-kollaborazzjoni bejn awtoritajiet differenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fuq l-internet.

Share With: