Malta bl-inqas theddid fuq persuni LGBTIQ

Żewġ każi rrappurtati fl-ewwel sitt xhur tal-2020

Malta kellha l-inqas rata rrappurtata ta’ theddid u vjolenza fuq persuni LGBTIQ. Dan ħareġ mir-reviżjoni annwali li ġiet ppubblikata minn ILGA Europe dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet umani ta’ persuni LGBTQI u li jkopri l-perjodu ta’ Jannar u Diċembru 2020. F’dan ir-rigward, ir-rapport qal li fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2020, kien hemm żewġ każijiet li ġew irrappurtati. 

Fl-istess waqt, ir-rapport annwali għamel ukoll referenza għal stħarriġ li kienet għamlet il-Malta Gay Right Movement (MGRM) li wera li aktar minn 50% tal-persuni LGBTQI ma jħossuhomx siguri f’Paċeville u li kien hemm mad-19% li ġew aggrediti minn bouncers.

Dwar vittmi ta’ attakki fiżiċi u sesswali, innutat li skont stħarriġ kienu biss 13% tal-vittmi li rrappurtaw il-każ lill-pulizija.

Fir-rapport annwali tal-ILGA Europe ġie innutat li minn April, koppji lesbjani u persuni weħidhom setgħu jaċċessaw IUI, IVF u donazzjoni ta’ sperma jew bajd tal-mara minn partijiet terzi. Qalet li dan huwa grazzi għal protokolli ġodda fis-seħħ. Issemma’ kif fl-2020 kien hemm tmien koppji lesbjani li użaw is-servizz.

Innotat ukoll li l-gvern approva l-offerta ta’ Malta biex tospita l-EuroPride 2023 u li ħabbar li se jipprovdi appoġġ finanzjarju.

ILGA Europe semmiet kif studji li saru fil-passat urew li l-maġġoranza tal-istudenti LGBTQI ma ħassewhomx li kienu qed jiġu rappreżentati fil-kurrikulu u ma ħassewhomx siguri fl-iskola. F’dan ir-rigward ġie nnotat kif f’Mejju l-MGRM nieda diversi għodda għall-edukaturi.

Ta’ min isemmi wkoll li minn rapport li kienet għamlet l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-drittijiet fundamentali, wieħed jista’ jara li fl-2019 f’Malta kien hemm mat-83% li jaħsbu li l-gvern jiġġieled definittivament jew probabiliment b’mod effettiv il-preġudizzju u l-intolleranza kontra persuni LGBTI. B’kuntrast ma’ din iċ-ċifra, f’10 stati membri dan il-proporzjon huwa inqas minn 20%, u tinżel saħansitra għal livell baxx ta’ 4% fil-Polonja.

Fir-rapport annwali hija nnutat wkoll li l-pandemija tal-Covid-19 kellha impatt gravi fuq il-komunità LGBTIQ u li organizzazzjonijiet LGBTIQ rrappurtaw żieda ta’ messaġġi mingħand nies li ma ħassewhomx sikuri fid-dar matul il-lockdown u nies li ma setgħux iħallsu l-kera. Issemma’ kif l-MGRM nediet sejħa komunitarja biex toffri akkomodazzjoni lil dawk l-agħar milquta.

Share With: