Maġistrat jgħid li l-Qrati jridu jħarsu l-vittmi ta’ kriminalità … raġel ikkundannat erba’ snin ħabs fuq serq minn residenza

Il-Maġistrat Joseph Mifsud insista li f’dak li jirrigwardja reati konnessi ma’ kriminalità, il-ġudikanti għandhom iżommu quddiem għajnejhom lill-vittmi.

Huwa ddikjara dan f’sentenza li fiha kkundanna raġel erba’ snin ħabs wara li sabu ħati li seraq minn residenza li fiha kienu joqogħdu koppja anzjana. 

Matthew Camilleri ta’ 35 sena kien tressaq il-Qorti mixli li fl-14 ta’ Frar 2019, seraq flus kontanti, ġojjelli u oġġetti oħra minn appartament f’Ħ’Attard u li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. 

Fil-Qorti ħareġ li biex kien hemm aċċess għal dan l-appartament, sar sgass fil-bieb tal-komun kif ukoll fil-bieb tal-appartament. Xi wħud mill-oġġetti misruqa nstabu l-għada taħt l-Isptar San Filippu, fl-Imsida.

Mill-filmati tas-sigurtà u mix-xhieda ta’ persuni oħra li kienu raw dak li kien qed iseħħ, il-Pulizija rnexxielha tasal għall-imputat u sussegwentement kien arrestat. 

Mill-provi li tressqu fil-Qorti, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni.

Dan għaliex il-provi kollha ċirkustanzjali li ġew imressqa kollha kienu jindikaw lil Camilleri bħala l-persuna li wettqet is-serqa. 

Qabel ġie biex jagħti s-sentenza, il-Maġistrat Mifsud semma kif fil-midja aktar nisimgħu fuq min ingħata l-libertà proviżorja fl-iqsar żmien u ma nisimgħu xejn fuq it-trawma li jgħaddu minnha l-vittmi tal-kriminalità.

Huwa żied jirrimarka li f’pajjiżna dawk li jimxu skont kif tipprovdi l-liġi huma l-maġġoranza assoluta mentri dawk li jabbużaw mil-liġijiet ta’ pajjżna huma l-minoranza. 

Tenna li dawk iċ-ċittadini li ħafna drabi jsofru fis-skiet ta’ djarhom għax m’għandhomx min isemma’ leħinhom, kull ma jridu hu li meta joħorġu minn djarhom jirritornaw lura u ma jsibux lil xi ħadd daħlilhom jew seraqhom. 

Il-Maġistrat Mifsud enfasizza li s-soċjetà tapprezza wkoll li fejn hemm it-tama li persuna tirrijabilita ruħha għandha tingħata din it-triq. Qal iżda li ma tistax taċċetta li jkun hemm min jabbuża mill-id tal-ħbiberija u flok jagħżel it-triq lil hinn mill-kriminalità, jara kif jagħmel biex jiftaħ każ wara l-ieħor u jħalli aktar vittmi tal-kriminalità.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Maġistrat Mifsud sab lil Camilleri ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrieh u minbarra li kkundannah piena komplessiva ta’ erba’ snin priġunerija, ordnalu jħallas €1,529 fi spejjeż ta’ esperti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Christina Delia.

Share With: