“Ma ħadt xejn għall-€500,000 lid-Dar tal-Providenza” – Adrian Delia

L-eks-Kap tal-PN Adrian Delia insista li huwa ma ħa xejn għall-għotja ta’ €500,000 li d-Dar tal-Providenza rrifjutat li tieħu mingħand il-Catco Group, kumpanija ibbażata t-Tuneżija li taħdem fl-industrija taż-żejt u l-enerġija. 

Kien waqt l-attività annwali ta’ ġbir ta’ fondi għall-imsemmija Dar tal-Providenza li Delia ippreżenta l-imsemmija somma f’isem il-kumpanija.

Minħabba l-ammont mogħti, id-Dar tal-Providenza qabbdet kumpanija ta’ awditjar biex tivverfika l-kumpanija u wara li tlesta l-proċess kienet infurmata li ċ-Ċermen tal-Catco Group ma ipprovdix it-tagħrif mitlub.

Kien għalhekk li d-Dar tal-Providenza irrifjutat li tieħu l-għotja u spjegat kif dan ifisser li fl-aħħar maratona ġabret €2,031,540.

Wara li kien hemm min, għal raġuni jew oħra, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp l-eks-Kap tal-PN irreaġixxa billi innota li hawn min anke ġest sinċier jipprova jħammġu u jżebilħu.

Huwa sostna li wara li għamel sforz u ġabar €2,000 mingħand diversi nies għall-Istrina, bejn din l-attività u l-1 ta’ Jannar ġabar €24,275 u għalihom ingħata irċevuti.

Delia saħaq li fl-istess jiem kien avviċinat minn kumpanija barranija (Catco Group) li wegħdet €500,000 u wara li stħarreġ min hi aċċetta li f’isimha jressaq il-wegħda tal-imsemmija somma.

“Jien ma ħadt ebda flus jew xi gwadann personali. Ma rċevejt ebda flus personali u ma ħriġt ebda ċekk minn tiegħi jew f’ismi u allura qatt ma seta kien hemm ċekk li ġie rifjutat”, huwa nsista.

Delia iddikjara li għalkemm hemm min irid jitfa’ dubji fuqu mhux se jieqaf jgħin u jaħdem għal min hu fil-bżonn u nsista li għal min irid biss jagħmel ħsara se jibqa’ jwieġeb b’aktar ħidma.

Share With: