Xhud jgħid li ra lil Daphne Caruana Galizia maħkuma minn paniku sekondi qabel inqatlet

Dalgħodu se tkun qed tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-aħħar seduta is-Supretendent Keith Arnaud kien żvela li l-Pulizija kienu ġew informati dwar pjani li Fenech kellu biex jaħrab qabel l-arrest tiegħu f’Novembru tal-2019.

Caruana Galizia nqatlet b’bomba fil-karozzza tagħha li splodiet ftit ’il bogħod mid-dar tagħha fil-Bidnija f’Ottubru tal-2017.

Tliet irġiel, l-aħwa George u Alfred Degiorgio, u Vince Muscat, qed jiġu mixlijin bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Aktar dettalji mal-ħin…

12.10: Zahra jgħid lill-Qorti li se jkun qed jagħti xhieda dwar stqarrija kunfidenzjali, bil-Maġistrat Montebello tgħid li kwalunkwe tali xhieda għandha tingħata bil-bibien magħluqin. L-Ispettur Zahra huwa l-aħħar xhieda għal-lum, b’dan ifisser li s-seduta tal-lum tiġi fi tmiemha.

12.05: Is-seduta tkompli wara li jasal l-ispettur Zahra.

11.38: Arnaud jgħid lill-Qorti li wara li nstemgħu t-tmien xhieda, il-Qorti għandha tisma’ lill-Ispettur Kurt Zahra dwar dak li l-akkużat kien qallu dwar it-talba għall-maħfra. Is-seduta tiġi sospiża temporanjament minħabba li Zahra għadu ma wasalx.

11.33: Keith Arnaud jistaqsi lil Sant dwar is-sewwieqa mara li għaddiet minn fuq il-post ftit wara l-isplużjoni. Sant jgħid li kienet qed twassal lil bintha mill-iskola, u kienet għaddejja fl-istess direzzjoni ta’ Caruana Galizia. Jgħid li Caruana Galizia kienet qed issuq karozza bajda mhux il-vettura tas-soltu tagħha. Iżid jgħid li ma kienx għarafha. 

11.26: Wara din l-ewwel splużjoni seħħet it-tieni splużjoni. Sant jirrakkonta fid-dettall dak li kien ġara. Jgħid li l-karozza għaddiet minn ħdejh u baqgħet għaddejja fl-għalqa. Sant jgħid li kien maħkum minn paniku. Jgħid li ra partijiet mill-vittma jiċċarrtu kaġun tal-isplużjoni, u ra d-dmija. Jgħid li rrealizza li kien assista għal splużjoni ta’ bomba. Iżid jgħid li karozza oħra misjuqa minn mara kienet għaddejja minn fuq il-post u qalilha li kienet splodiet bomba. Il-mara titlob għall-għajnuna. Mumenti wara jgħid li wasal fuq il-post iben il-vittma.

11.22: Jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu Francis Sant, resident mill-Bidnija. Jgħid li kien qed isuq fid-direzzjoni tal-Bidnija għall-ħabta tat-3.00 p.m., u hekk kif kien tiela’ t-telgħa ra karozza żgħira ġejja fid-direzzjoni tiegħu. Jgħid li l-karozza f’daqqa waħda naqset mill-veloċità, bil-persuna fil-karozza tidher li kienet maħkuma minn paniku. Jgħid li sema’ splużjoni żgħira, u għajta kbira.

11.20: Vella jgħid li kien jaf lill-familja Caruana Galizia. Jgħid li kien anke għamel xi xogħol fid-dar tagħhom. Vella jgħid li iżda ma kienx jaf min seta’ kien hemm fil-karozza maħkuma min-nirien. Mistoqsi, huwa jgħid li ma kienx ħa ritratti permezz tal-mowbajl tiegħu. Il-mowbajl imkisser ittieħed u nżamm mill-Pulizija.

11.15: jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu Mario Vella, ir-raġel li kien involut f’argument ma’ Matthew Caruana Galizia fuq ix-xena tar-reat. Vella jgħid li kien jinsab il-Mosta meta seħħet l-isplużjoni. Jgħid li jgħix fil-viċinanzi u bintu ċemplitlu minħabba li kienet imħassba li seta’ ġara xi ħaġa fir-razzett tagħhom. Jgħid li mar fuq il-post u sab karozza qed tinħaraw, raġel żgħira fl-età u uffiċjali li kienu qed jipprovaw jitfu n-nirien. Vella jgħid li ċempel lil uliedu biex javżahom biex jevitaw iż-żona. Itenni li wara daħal fil-karozza u staqsa lill-Pulizija jekk jistax jitlaq minn fuq il-post. Meta kien se jitlaq jgħid li kien avviċinat mir-raġel li beda jgħidlu b’ton irrabjat li kien ħa ritratti ta’ ommu. Jgħid li kien għaddielu l-mowbajl biex jara li ma kienx ħa ritratti, iżda Matthew Caruana Galizia kissirlu l-mowbajl. Vella jgħid li ma jagħtihx tort. Iżid jgħid li resaq viċin ta’ Caruana Galizia u kien f’dan il-mument li qam l-argument bejn it-tnejn. madankollu jgħid li l-argument ma kienx wieħed serju u s-sitwazzjoni kkalmat malajr.

11.05: L-avukat Marion Camilleri titlob għal aktar dettalji. Farrugia jgħid li ma żammx kopja tan-noti oriġinali kien ħa minħabba li kien għaddihom lil Cilia. Jgħid li jaħseb li kien bidwi li kien qed jitlaq minn fuq il-post. Iżid jgħid li l-vann kien l-uniku wieħed li għadda minn fuq il-post sakemm kien hemm. Farrugia jiġi mistoqsi jekk fittixx il-vann għal affarijiet suspettużi, u jgħid li kien fittex fil-vann u li kien sab għodda tal-biedja. Iżid jgħid li s-sewwieq kien anzjan. Ix-xhud jibqa’ jiġi ppressat dwar jekk huwiex ċert li ma kien hemm xejn konness mar-reat fil-vann. Tintervjeni l-Maġistrat Rachel Montebello u tgħid li s-suġġett ġie eżawrit.

11.02: jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu l-kuntistabbli Mario Farrugia, li kien fil-akkademja f’Ta’ Kanda dakinhar tar-reat. Jgħid li waqt li kien fuq il-post kien hemm vann li ħareġ miż-żona. Jgħid li kien ħa d-dettalji tas-sewwieq u n-numru tar-reġistrazzjoni, bl-informazzjoni tingħadda lis-superjur tiegħu.

10.57: L-uffiċjal tal-Pulizija William Galea mir-Rapid Intervention Unit jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu. Huwa jikkonferma x-xhieda mogħtija mix-xhieda l-oħrajn dwar kien kienu notifikati dwar l-isplużjoni. Jgħid li huwa għen biex tingħalaq it-triq u għen lil ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanza tasal fuq is-sit.

10.53: Mistoqsi mill-avukat Camilleri, Balzan jgħid li r-rapport mill-control room sar permezz tar-radju tal-Pulizija u mhux permezz tal-mowbajl. Jgħid li l-ewwel kien ħa r-ritratt mill-mowbajl tiegħu personali, u mbagħad kien għaddieh lis-superjur tiegħu, l-Ispettur Antoine Cilia.

10.50: Jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu l-uffiċjal tal-Pulizija Reuben Balzan, li dakinhar kien stazzjonat mal-RIU. Balzan jgħid li għall-ħabta tat-3.00 p.m. kien irċieva telefonata mill-control room dwar karozza li kienet maħkuma minn nirien. Jgħid li mar fuq il-post u waqt li kien fi triqtu kien informat li n-nirien kienu kkaġunati minn splużjoni. Jgħid li ħa ritratti biex jippriserva x-xena tar-reat, f’każ li l-karozza titmexxa minn fuq il-post. Ix-xhud jintwera ritratt u jikkonferma li kien hu li ħadu.

10.43: L-avukat Marion camilleri, li qed tirrappreżenta lil Fenech, tistaqsi lil Cilia meta kien għamel ir-rapport ta’ erba’ paġni, bix-xhud jgħid li huwa għamel ir-rapport ftit wara li seħħet l-isplużjoni. Jgħid li kien l-Ispettur Kurt Zahra li talbu biex jipprovdi aġġornamenti dwar l-uffiċjali tal-pulizija li kienu involuti.

10.41: L-Ispettur Keith Arnaud jagħmel mistoqsijiet speċifiċi dwar ir-rapport. Cilia jgħid li kien għalaq l-aċċess tax-xena tad-delitt għall-pubbliku. Jgħid li fl-inħawi kien hemm persuni li kienu qed jaħdmu f’għelieqi fil-viċin. Iżid jgħid li huwa stess kien ħa ritratti tax-xena tar-reat.

10.37: Cili jgħid li pprepara rapport dwar dak li kien sab, li huwa ppreżenta f’inkjesta maġisterjali b’rabta mal-qtil.

10.35: Cilia jżid jgħid li resaq lejn il-karozza, li kellha s-saqaf tagħha mċarrat kaġun tal-isplużjoni. Jgħid li fil-karozza fin-naħa tas-sewwieq kien hemm persuna. Cilia jgħid li karozza tat-tifi tan-nar kienet se tgħaddi minn fuq ċavetta ta’ karozza. Iżid jgħid li ħataf iċ-ċavetta u kienet ta’ vettura tat-tip Peugeot.

10.33: Jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu l-Ispettur Antoine Cilia mir-Rapid Intervention Unit. Jgħid li kien irċieva telefonata waqt li kien fil-control room tal-pulizija minn xhud li ra l-isplużjoni. Iżid jgħid li mar fuq il-post fejn ra partijiet umani u biċċiet tal-karozza mferrxin maż-żona fejn seħħet l-isplużjoni. Itenni li uffiċjali oħrajn kienu qed jipprovaw jikkalmaw lil żewġ irġiel li kienu qed jargumentaw – Matthew Caruana Galizia u raġel li jġib il-kunjom Vella. Jgħid li Caruana Galizia kien irrabjat minħabba li r-raġel deher jieħu ritratt ta’ dak li kien ġara. Ir-raġel l-ieħor kien irrabjat minħabba li l-mowbajl kien inkiser.

10.30: Jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu l-kuntistabbli Roderick Vassallo. Jgħid li dakinhar tar-reat kien għadu kemm jitlaq mill-akkademja f’Ta’ Kandja meta daħlet l-informazzjoni dwar il-bomba. Huwa mar fuq il-post tar-reat, u qal li ra lil żewġ persuni jargumentaw dwar mowbajl. Jidentifika lil wieħed mill-irġiel bħala iben Caruana Galizia, Matthew.

10.29: L-ewwel xhud li jissejjaħ fuq il-pedana tax-xhiead huwa is-Supretendent Jmes Grech. Huwa jgħid li fis-16 ta’ Ottubru tal-2017, dakinhar li nqatlet Caruana Galizia, huwa kien stazzjonat mas-CID. Jgħid li kien informat bl-isplużjoni fil-Bidnija għall-ħabta tat-3.00 p.m. Iżid jgħid li kien fuq ix-xena tar-reat sakemm wasal it-tim forensiku fuq il-post. Sussegwentement mar għand il-kumpanija tal-kiri tal-karozzi Percius, biex jikseb kopja taċ-ċavetta tal-karozza Peugeot 108 li kienet għand Caruana Galizia.

Share With: