Lejn soċjetà aktar umana u sensittiva

Minn Dr Josianne Cutajar, Membru Parlamentari Ewropew

Il-prinċipju legali li ‘ġustizzja mogħtija tard hija ġustizzja miċħuda’ huwa wieħed mhux biss bażiku iżda kruċjali biex is-sistema ġudizzjarja tagħna taħdem b’mod tassew effettiv u f’waqtu.

Din is-sitwazzjoni fejn sentenza tingħata mill-qrati tagħna ħafna snin wara li jkun seħħ il-każ, snin li matulhom l-individwi jkunu esperjenzaw bidliet kbar fil-ħajja tagħhom, ġrat fil-passat u reġgħet ġrat fl-aħħar jiem. Ġustizzja li tasal tard wisq jista’ jkollha l-effett li ma jintlaħqux l-għanijiet li l-ġustizzja stess qed tfittex li taqdi – għalhekk irid naġixxu b’għaqal, b’mod ġust iżda fil-ħin.  

Li persuna tingħata sentenza kważi tmien snin wara l-avveniment li tkun tressqet dwaru ċertament li m’hijiex aċċettabbli.

U dan aktar u aktar meta persuna ta’ sitta u għoxrin sena titħalla tistenna għal tmien snin sabiex imbagħad tingħata tliet xhur priġunerija, tondi tondi u m’humiex sospiżi, għal dak li ġara meta kellha biss tmintax-il sena.

Iva, l-ewwel kwistjoni hawn hi d-dewmien kbir sabiex jiġu ipproċessati l-każijiet u jingħataw sentenzi mill-qrati tagħna.

Iżda importanti ukoll nifhmu li, f’mument fejn qegħdin dejjem aktar nisħqu fuq soċjeta’ ħolistika li tindokra l-ħajja u d-drittijiet tal-individwu, il-qrati tagħna ma jistgħux ma jsirux ukoll aktar sensittivi għall-iżvilupp tal-persuna nfisha speċjalment fuq medda twila ta’ żmien.

Ċertament li fi tmien snin il-bniedem jikber, jimmatura, jirriforma, jirrevedi l-imġiba, u jgħaddi minn esperjenzi ġodda li tlaqqagħna magħhom il-ħajja.

Biex dawn in-nuqqasijiet fis-sistemi tagħna ngħelbuhom irridu nifhmu li r-riforma fil-ġustizzja li għaddejjin biha mhix xi ħaġa ta’ darba u daqshekk – hi riforma li trid tibqa’ għaddejja. Għandha tkun sforz kontinwu li bih inkomplu nġeddu l-kwalità tas-sistemi, tar-riżorsi umani, tat-teknoloġiji u aspetti oħra tas-settur ġudizzjarju.

Riforma kontinwa tfisser ukoll li nfittxu soluzzjonijiet effettivi u b’ħeffa għal problemi ta’ kuljum li jkunu qed ixekklu t-tħaddim effiċjenti, proporzjonat u ġust tal-ġustizzja infisha.

Iżda l-ġustizzja għandha ukoll tifsira li hi usa’ minn dak li jseħħ fil-qrati infushom.

Il-medja u l-ġurnali tagħna, per eżempju, ukoll għandhom obbligu li jkunu ġusti u preċiżi fir-rappurtaġġ tagħhom.

Fil-każ li ftaħt bih hawn fuq, diversi ġurnali għażlu li jiffukaw it-titli tagħhom fuq il-fatt li l-persuna involuta hija bin Kummissarju Ewropew u politiku prominenti.

Hija imġiba ġusta jew responsabbli lejn is-soċjetà nfisha li familjari ta’ politiċi — huma min huma u ġejjin minn fejn ġejjin — ikollhom jiġu esposti b’modi mhux mistħoqqha sempliċiment għax inzertaw familjari ta’ politiċi?

Barra minn hekk, huwa ġust li jsir rappurtaġġ li persuna ingħatat priġunerija qabel ma biss ikun għadu għadda t-terminu tal-appell?

Tassew li l-medja għandha l-libertà ġurnalistika, iżda daqstant ieħor hu dritt bażiku ta’ persuna li tuża proċedura bħalma hi l-appell – is-sentenza ma tiġix fis-seħħ qabel jgħaddi t-terminu tal-appell u f’każ li jkun hemm appell, trid tingħata s-sentenza mill-qorti tal-appell.

L-argument kollu hawn jorbot ma’ żewġ aspetti li għandhom ikunu, nemmen jiena, fil-qalba tal-imġieba tagħna.

L-ewwel wieħed hu li l-libertà li neżerċitaw l-espressjoni fil-ħidma tagħna iġġorr ukoll sens ta’ responsabbiltà u diċenza. Il-libertà li nesprimu rwieħna m’għandniex narawha bħala carte blanche biex ngħidu li rridu u kif irridu.

It-tieninett, ir-rappurtaġġ fil-medja għandu jkun leali l-ewwelnett lejn is-soċjetà li qed iservi, u jfittex li ma jonqosx mis-sensittività lejn iċ-ċittadini tagħha stess li għandu d-dmir li jinforma.

Ilkoll nafu li dan hu mument fejn it-teknoloġiji l-ġodda ta’ komunikazzjoni tant jaħdmu b’ħeffa li aħna lkoll, filwaqt li nużawhom il-ħin kollu, għadna verament irridu nifhmu kif se nibdew nikkontrollaw l-effetti negattivi li spiss qed ikollhom fuq is-soċjetajiet tagħna.

Huwa ġust, per eżempju, li anke fil-medja soċjali jsiru attakki u insinwazzjonijiet personali fuq persuni li jkunu involuti fil-politika, li jkollhom effetti ħafna drabi agħar fuq il-persuna tal-familjari milli fuq il-politiċi nnifishom?

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed naraw kemm ir-realtà tal-aħbarijiet u informazzjoni li nirċievu, u l-mod kif nirċevuhom, importanti li jkollhom fihom sens ta’ umanità. Meta dan ma jkunx hemm, se jbatu l-persuni, familji, u fl-aħħar mill-aħħar it-tessut tas-soċjetà nfisha.

Il-Qrati jgħaddu ġudizzju, u l-medja tirrapurtah. Bejniethom dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom effett kbir fuq kif is-soċjetà tagħna tifhem lilha nfisha u tfittex li ttejjeb lilha nfisha. Dan iġib miegħu responsabbiltà kbira.

Dan hu mument fl-istorja tal-bniedem fejn ilkoll kemm aħna rridu nġeddu l-impenn tagħna lejn it-tkattir ta’ soċjetà b’wiċċ uman.

Irridu naħdmu aktar lejn soċjetà fejn ir-reponsabbiltà u s-sensittività lejn xulxin, kif wara kollox għallmitna l-pandemija, tassew nifhmuhom bħala mezz ewlieni ta’ kif inkabbru u nsaħħu lilna nfusna illum.

Share With: