L-użu tal-vitamina D għal pazjenti bil-Covid-19 jista’ jnaqqas l-imwiet b’60 fil-mija

Minn Victor Vella

Il-kwistjoni tal-Vitamina D u l-importanza tagħha kontra l-Covid19 ħadet żvolta ġdida fl-aħħar jiem u dan hekk kif inħareġ studju li juri l-effettività tagħha  meta ingħatat lil pazjenti  morda bil-Covid19. Minn dan l-istudju joħroġ li l-użu tal-vitamina D għal pazjenti morda bil-Covid jista’ jnaqqas l-imwiet b’60 fil-mija. Wara li nħareġ dan l-istudju bdew sejħiet biex gvernijiet iħeġġu lin-nies jieħdu l-vitamina D. Sejħiet simili saru fir-Repubblika tal-Irlanda.

Ir-riċerka li saret dwar l-effettività li tintuża l-vitamina D3 imsejħa ‘calcifediol’ f’pazjenti bil-Covid19, kienet pubblikata minn Social Science Research Network. F’din ir-riċerka ħadu sehem akkademiċi mill-Università ta’ Barċellona. F’din ir-riċerka ħadu sehem aktar minn 550 pazjent li kienu rikoverati fl-isptar Hospital de Mar f’Barċellona.

Mill-istudju ħareġ li fost dawk li ingħataw it-trattament bil-calcifediol, l-imwiet kienu naqsu b’60 fil-mija. Filfatt l-istudju jgħid li minn 551 pazjent li ġew trattati bil-calcifediol tilfu ħajjithom 36, waqt li minn grupp ieħor trattati b’mod differenti minn 379 pazjent mietu 57 persuna.

L-istudju stabbilixxa ukoll trattament bil-calcifediol wassal biex kien hemm tnaqqis ta’ 80 fil-mija fil-pazjenti li kellhom bżonn jidħlu fil-kura intensiva.

Dwar dan l-istudju ikkummenta il-Parlamentari Ingliż David Davies u ddeskrivieh bħala ‘studju importanti ħafna’.  Hu kkummenta li “dak li ħareġ minn dan l-istudju għandu jwassal biex din it-terapija tkun amministrata lil kull pazjent bil-Covdi fl-isptarijiet kollha.” Hu sejjaħ lill-gvern Ingliż biex jikkunsidra jagħti l-vitamina D bla ħlas lil gruppi vulnerabbli.

Wara li ħareġ dan l-istudju, anki fir-Repubblika tal-Irlanda bdew sejħiet lill-gvern biex iħeġġeġ lin-nies jieħdu l-vitamina D. 

Share With: