“L-Unjoni Ewropea responsabbli għall-immigranti fil-Mediterran…iftħu l-bibien mhux tagħlqu”

Pietro Bartolo membru tal-Parlament Ewropew

Minn Victor Vella

Proprju nhar l-Erbgħa li għaddew il-membru tal-Parlament Ewropew, Pietro Bartolo, tabib li għal ħafna snin kien ikun minn tal-ewwel li joffri assistenza medika lill-immigranti li jaslu f’Lampedusa, għamel dikjarazzjoni qawwija. Iddikjara li l-Ewropa għandha l-akbar responsabbilità għal dak li qed iseħħ fil-Mediterran u fil-Libja. Ma waqafx hemm u ddikjara ukoll li “l-Ewropea mhix tagħmel dak li suppost għandha tagħmel”.

Hu kien qed jitkellem  f’attività li saret mill-kunsill lokali ta’ Firenze dwar spezzjoni li hu flimkien ma’ deputati Parlamentari oħra għamlu fil-fruntiera bejn il-Kroazja u l-Bosnija. Dak hu post li fih hemm immigranti li qed jgħixu f’kundizzjonijiet mill-aktar inumani.

Kien ċar fi kliem. “Meta qed nitkellem fuq l-Ewropa, jien qed nitkellem fuq l-Istati membri u qed nitkellem ukoll fuq il-Kummissjoni Ewropea.  Dawn mhux jagħmlu dak li suppost għandhom jagħmlu jiġifieri  li jaraw li d-drittijiet umani jiġu. segwiti u ma jkunux miksurin.

Jisħaq li l-fenomenu marbut mal-immigrazzjoni ma jistax jiġi trattat kif qed ikun trattat bħalissa. ‘Dan hu falliment”, iddikjara Pietro Bartolo.  “Aħna iċċertifikajna li r-regolamenti ta’ Dublin huma falliment. Dan hu patt li jitkellem fuq ripatrijazzjonijiet. Fuq tisħiħ tal-fruntieri. Li joħloq fortizza Ewropea. Dan mhux tajjeb”, jisħaq Bartolo.

Itenni li “rridu naraw li s-solidarjetà li jitkellem fuqha l-artiklu 80 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, titħaddem kif suppost”.

Itenni li “hi l-politika li ddeċidiet li tagħlaq il-bibien flok tiftaħhom jew iħallux lil dawn il-persuni jmutu mgħarrqin fil-Mediterran. Fuq kollox hi l-politika Ewropea li trid tagħti tweġibiet dwar il-fenomenu tal-immigrazzjoni.”

Jenasizza li “l-immigrazzjoni irridu nitrattawha b’mod differenti. Mhux bir-ripatrijazzjonijiet. Mhux bil-ħitan. Bihom ma twaqqafx l-immigrazzjoni. Għaddew 30 sena minn din il-politika u għadna nitkellmu fuq l-immigrazzjoni. Is-soluzzjoni hi s-solidarjetà, ir-rispett lejn id-dritt tal-ħajja u lejn id-drittijiet umani,” jgħid Pietro Bartolo.

Share With: