Alfred Sant

L-UE għandha tagħti aktar prijorità lil kwistjonijiet ta’ faqar fix-xogħol – Alfred Sant

L-UE teħtieġ tibdel b’mod deċiżiv is-sistema tagħha biex treġġa’ lura t-tendenza dejjem tikber tal-faqar u tal-ekonomija bbażata fuq impjiegi ta’ livell baxx li qed iddgħajjef il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha, qal l-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant lill-Parlament Ewropew.

Fi stqarrija wara li vvota favur rapport dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b’enfasi speċjali fuq il-faqar fix-xogħol, Alfred Sant insista li huwa essenzjali li jsir dibattitu strutturat fil-livell tal-UE dwar dan is-settur.

It-tfassil tal-politika tal-UE ilha għal żmien twil wisq twarrab fil-ġenb kwistjonijiet ta’ faqar, u effettivament tipprovdilhom biss attenzjoni sekondarja fil-kuntest ta’ proposti maġġuri, jekk xejn.

Sadanittant, l-UE qed tiffaċċja t-tieni kriżi ekonomika kbira f’perjodu qasir ħafna. Dan qed jirriżulta fit-tkabbir tal-inugwaljanzi u l-faqar, aggravati minn livell għoli ta’ impjiegi prekarji u ta’ kwalità baxxa.

Barra minn hekk, il-fatt li tfaċċa xogħol imwettaq permezz ta’ pjattaformi teknologiċi qed tiggrava s-sitwazzjoni għal ħafna li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol.

Alfred Sant żied li s-sistema t’awsterità li mmarkat it-tfassil tal-politika ewlenijas tal-UE f’dawn l-aħħar għoxrin sena lanqas ma għen.

“F’dan il-punt, il-proposti tar-rapport li huma mmirati biex inaqqsu l-faqar fix-xogħol, speċjalment permezz ta’ sistemi ta’ negozjar kollettiv aktar b’saħħithom u dħul minimu u pensjonijiet adegwati huma ta’ min ifaħħarhom”, qal Alfred Sant.

Share With: