L-Oriġini tal-virus sar ballun politiku; l-Istati Uniti trid tanalizza d-data tal-WHO

Iċ-Ċina qalet li l-Istati Uniti għandha hi wkoll tistieden lit-tim tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex jagħmel investigazzjoni hemm dwar il-bidu tal-pandemija tal-Covid-19. Dan il-kumment taċ-Ċina sar wara li ttim tal-WHO temm l-investigazzjoni tiegħu ġewwa l-belt ta’ Wuhan filwaqt li komplew jikbru l-argumenti bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina dwar x’kien dak li wassal biex żviluppa dan il-virus. 

It-tim tal-WHO qal li minn riżultati preliminari jidher li l-Covid-19 ma żviluppax f’laboratorju ġewwa Wuhan filwaqt li qal li l-friefet il-lejl aktarx huma l-kawża tal-virus. 

Il-kwistjoni dwar minn fejn oriġina l-virus ħadt laqta poltika f’dawn l-aħħar xhur. Dan il-virus li feġġ l-ewwel darba ġewwa Wuhan fiċ-Ċina fl-2019. Minkejja dan iċ-Ċina bdiet timbotta ’l quddiem l-idea li dan il-virus seta’ żviluppa f’pajjiż ieħor. 

Min-naħa tagħha l-Istati Uniti jidher li trid tanalizza hi l-iżviluppi kif seħħew fiż-Ċina. Dwar dan l-amministrazzjoni ta’ Biden qalet li l-Istati Uniti ma kinitx involuta fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-missjoni tal-WHO u għalhekk hija trid tanalizza u tis- tudja s-sitwazzjoni b’mod indipendenti. 

Peter Ben Embark, li huwa l-persuna li kien qiegħed imexxi l-investigazzjoni ta’ erba’ ġimgħat (ġimagħtejn minnhom fi kwarantina) ġewwa ċ-Ċina, qal li l-investigazzjoni ftit li xejn bidlet il-mod kif kien maħsub li oriġina l-virus, għalkemm hu qal li jista’ jkun li l-virus qasam il-frutieri biex finalment spiċċa f’Wuhan. Apparti li l-possibbiltà li l-virus seta’ orġina fil-laboratorju ta’ Wuhan ġiet irrifjutata, it-tim tal-WHO ma ċaħadx il-possibbiltà li l-virus kien jinsab fi prodotti tal-ikel iffriżati li twasslu f’dan il-pajjiż. Din hija t-teorija li ilhom ħafna jisħqu fuqha l-awtoritajiet Ċiniżi fejn dawn qalu li l-virus wasal fil-pajjiż permezz ta’ ikel impurtat. 

Share With: