L-MUMN tesprimi t-tħassib tagħha dwar in-numru ta’ infermieri barranin li qed jitilqu minn Malta

L-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) esprimiet it-tħassib tagħha dwar in-numru sostanzjali ta’ infermiera barranin li qed jitilqu minn Malta. L-MUMN qalet li dan qed ikun ta’ detriment għas-servizzi tas-saħħa kollha f’Malta.

L-Unjin esprimiet it-tħassib tagħha f’ittra miftuħa lill-Prim ministru Robert Abela, li fiha talbitu biex jintervjeni sabiex jindirizza l-problema.

Fl-ittra, l-MUMN qassmet ukoll ittra miktuba minn mijiet ta’ infermiera barranin li qed jaħdmu fis-settur tas-saħħa pubbliku, u li fiha esprimew it-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ appoġġ familjari tant meħtieġ għalihom, u anke diffikultajiet f’dik li tikkonċerna r-renumerazzjoni.

Fl-ittra huma qalu li jinsabu finanzjarjament instabbli u ma jistgħux jappoġġjaw b’mod indipendenti lill-familja tagħhom. Huma għamlu aċċenn għal każi ta’ kirjiet għoljin u anke qalu li wħud minnhom ma jistgħux jieħdu self mill-bank biex jixtri residenza.

Huma wrew it-tħassib tagħhom ukoll fir-rigward tan-nuqqas ta’ għarfien meta l-familji tagħhom se jkunu jistgħu jingħaqdu magħhom f’Malta, b’dan iwassal biex numru ta’ infermieri jieħdu d-deċiżjoni li jitilqu minn Malta għall-Ingilterra jew l-Irlanda.

Fl-ittra huma qalu li mhumiex robots mingħajr emozzjonijiet, u jeħtieġu l-appoġġ tal-familja u t-tfal tagħhom. Tennew ukoll li jeħtieġu li jitħallsu bħall-kollegi tagħhom li huma offruti pagi u allowances aħjar minnhom.

Share With: