L-MUMN “diżgustata” bil-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

L-Unjin tal-Qwiebel u l-Infermieri (MUMN) iddikjarat li kienet diżgustata bl-attitudni tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fir-rigward tal-immigranti irregolari fl-Isptar Monte Carmeli.

L-MUMN spiċċat f’nofs kontroversja wara li sostniet li numru ta’ immigranti miżmumin f’detenzjoni kienu qed iweġġgħu lilhom infushom biex joħorġu minn hemm u jmorru fl-imsemmi sptar.

Din id-dikjarazzjoni, flimkien ma’ dik li l-immigranti qed jagħtu fastidju lil pazjenti oħra u staff, ġabet magħha l-kundanna ta’ dawk li jaħdmu mal-istess immigranti.

L-MUMN irreferiet għal kumment li għadda l-istess Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia, fejn dan qal li qabel persuna tidħol fl-isptar isirilha assessjar, u kkritikatu għax sostniet li kieku investiga kien jara li t-tobba qed jirrifjutawhom u dawk li daħlu kien għal raġuni mediko-legali.

Hija sosntiet ukoll li l-infermieri u t-tmexxija tal-Isptar Monte Carmelo qed jieħdu parir legali dwar is-sitwazzjoni u stiednet lil Dr Cachia biex jinvestiga sew u jerġa’ jagħmel analiżi mill-ġdid dwar dak li qed jiġri fl-imsemmi sptar.

Share With: