L-iskart jiżdied bi 2.6%, it-trattament tiegħu bi 30%

Stħarriġ li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar l-iskart ġenerat u trattat matul l-2019 juri li waqt li b’mod ġenerali dan żdied bi 2.6%, it-trattament tiegħu kiber bi 30%.

Iċ-ċifri juru li matul l-imsemmija sena l-ammont ta’ skart solidu ġenerat kien ta’ 2.7 miljun, 2.6% aktar mill-2018.

L-iskart perikoluż żdied b’10,932 tunellata, jew b’34.1%, l-iktar minħabba żieda fl-iskart kimiku.

Dak mhux perikoluż żdied b’56,995 tunellata, jew bi 2.2%, l-iktar minħabba żidiet fl-iskart mill-bini u dak organiku.

L-NSO sab ukoll li ż-żieda ta’ 30% fit-trattament tal-iskart kienet tfisser li ġew trattati 704,251 tunellata aktar fuq l-2018 li tella t-total għal tliet miljun tunellata.

Dan kien dovut l-aktar għal żieda ta’ kważi miljun tunellata fir-riċiklaġġ tal-materjal mill-kostruzzjoni u l-bini.

L-iskart fil-barrieri żdied b’54,531 tunellata u dak maħruq fl-inċineratur b’1,102 tunellata waqt li ma kien hemm ebda skart mitfugħ fil-baħar.

L-impjant tal-Għallis kien l-iktar li rċieva skart, 17,191 tunellata, segwit mill-Malta North Mechanical-Biological Treatment bi 11,352 tunellata, dak Tal-Kus f’Għawdex b’584 tunellata, ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn b’203 u l-Marsa Thermal Treatment Facility b’168 tunellata.

Fir-rigward taż-żieda fis-separazzjoni tal-iskart l-NSO sab li l-ikbar waħda kienet fl-iskart li ntefa fil-borża organika bi 19,975 tunellata segwit b’żieda ta’ 9,031 tunellata fil-borża l-griża jew ħadra u l-ħġieġ

Waqt li l-iskart mis-‘civic amenity sties’ żdied b’4,470 tunellata, dak fil-‘bring-in-sites’ naqas b’125 tunellata.

Mill-iskart esportat barra 63% intbgħat biex jiġi riċiklat u 35.6% biex jintefa fil-miżbliet.

Share With: