“L-investigazzjonijiet dwar is-suspettati li ssupplixxew il-bomba fil-qtil ta’ Caruana Galizia mistennijin jieħdu fit-tul”

L-investigazzjonijiet fir-rigward tat-tliet irġiel suspettati li ssupplixxew il-bomba li ntużat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mistennijin li jieħdu fit-tul, b’dan ifisser li l-Pulizija mistennija li jieħdu l-ħin kollu disponibbli għalihom sakemm eventwalment iressquhom il-Qorti taħt arrest.

Qalilna dan kelliemi għall-Pulizija meta mistoqsi jekk il-Pulizija humiex se jkunu qed iressqu l-Qorti lill-aħwa Adrian u Robert Agius, u lil Jamie Vella. It-tliet irġiel kienu arrestati waqt operazzjoni tal-Pulizija lbieraħ waranofsinhar.

Sa tard ilbieraħ filgħaxija l-Pulizija kienu għadhom qed iwettqu tiftix fiż-żona tal-Baħrija fejn ġew arrestati tnejn mis-suspettati. It-tielet suspettat kien arrestat fis-Swieqi.

L-arresti waslu wara li Vince Muiscat, magħruf bħala l-Koħħu, ammetta r-rwol tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat huwa mifhum li Muscat kien qed jikkopera mal-awtoritajiet bil-għan li tingħatalu sentenza aktar klementi f’każ li jammeti r-rwol tiegħu fil-każ u jagħti x-xhieda tiegħu kontra l-aħwa Degiorgio, li wkoll huma akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Muscat ingħata sentenza ta’ 15-il sena priġunerija.

Share With: