“L-investigazzjoni dwar il-‘food couriers’ għadha għaddejja” – Carmelo Abela

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela insista fil-Parlament li l-awtoritajiet responsabbli mill-liġijiet tax-xogħol bdew iħarsu lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol li bihom qed jitħaddmu l-‘food couriers’ minn qabel ir-rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir.

Huwa irrimarka dan waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari li fih id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema wara rapporti fil-mezzi tax-xandir li ma kienux qed jitħallsu b’mod xieraq.

Abela għamilha ċara li l-investigazzjoni tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) bdiet lejn l-aħħar tal-2020 u mhux għax dehru xi rapporti fil-media waqt li semma kif hemm iktar minn kumpanija waħda li qed tiġi investigata.

Huwa irrikonoxxa li l-ħidma ta’ dawn il-‘food couriers’ żdiedet matul il-pandemija u enfasizza li l-Gvern irid li dawn jitħallsu skont il-kundizzjonijiet li diġà jeżistu.

Abela fakkar li l-prekarjat kien jeżisti minn qabel l-2013 imma dan il-Gvern ħa diversi miżuri biex jindirizza din is-sitwazzjoni u ħa diversi miżuri li tejjbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema b’ħafna jaraw żidiet fid-dħul.

Share With: