L-imħabba vera qatt m’għandha tweġġa’
Kampanja kontra l-vjolenza domestika għal Jum San Valentinu mill-Korp tal-Pulizija
Dawn huma l-messaġġi li l-Pulizija tal-Komunità, il-Victim Support Unit u l-Gender Based & Domestic Violence Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qegħdin iwasslu din is-sena, permezz ta’ kampanja fuq il-midja soċjali tal-Korp tal-Pulizija, jum qabel San Valentinu.
San Valentinu hija l-ġurnata li fiha l-koppji jiċċelebraw l-imħabba ta’ bejniethom. Sfortunatament bejn l-erba’ ħitan tad-djar, hemm persuni li qegħdin isofru u minflok imħabba qegħdin jgħaddu minn weġgħat kbar minħabba vjolenza fiżika, psikoloġika, abbuż u biża’.
Permezz ta’ din il-kampanja, il-Pulizija trid tqajjem kuxjenza illi l-vittmi huma min huma, irrispettivament mis-sess tagħhom, m’għandux jibqa’ lura, jikser is-silenzju u jirrapporta l-abbuż li qiegħed jgħaddi minnu.
“L-imħabba qatt m’għandha tweġġa’ – Ikser is-silenzju” … “L-imħabba qatt m’għandha tweġġa’ – Waqqaf l-Abbuż”
– Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
Fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ din il-kampanja, uffiċjali mill-Pulizija tal-Komunità, il-Victim Support Unit u l-Gender Based & Domestic Violence Unit organizzaw attività għall-vittmi tal-vjolenza domestika ġewwa l-kafetterija Jacob’s Brew f’Wied il-Għajn. Din kienet okkażjoni sabiex l-istess vittmi jitkellmu b’mod apert mal-pulizija f’atmosfera differenti mis-soltu.
Waqt it-tnedija tal-kampanja kontra l-vjolenza domestika, il-Pulizija wasslu l-messaġġ li huma qegħdin hemm biex joffru l-assistenza u jisimgħu lil kulħadd. Il-vittmi ta’ vjolenza domestika, m’humiex waħedhom. L-uffiċjali tal-pulizija huma umani wkoll u għalhekk kull vittma se ssib il-konfort tal-pulizija fis-sofferenza tagħhom.
Il-Korp tal-Pulizija ifakkar lil min hu vittma sabiex iċempel fuq in-numri 112 tal-Emerġenza; 119 tal Crime Stop; jew jirrapporta fuq www.pulizija.gov.mt; jew ikellimna permezz tal-paġna ta’ Facebook ‘The Malta Police Force’.