“L-ewwel tip ta’ ġustizzja mal-vittmi huwa li tisma’ l-ġerħa tagħhom”

Fr Aaron Zahra dwar każijiet ta’ abbuż sesswali; jappella biex il-vittmi dejjem ifittxu l-għajnuna

Minn Maria Azzopardi

Il-Pirjol tal-Kunvent Dumnikan tal-Lunzjata ġewwa l-Birgu u riċerkatur fuq il-prevenzjoni tal-abbużi sesswali, Patri Aaron Zahra O.P., saħaq li tkun qed tqarraq bil-vittma ta’ abbuż sesswali meta ttih il-flus għax bil-flus ma tkun qed issolvilu xejn. Filwaqt li jikkundanna dak l-aġir u l-ħsara li tkun saret, sostna li l-ewwel tip ta’ ġustizzja mal-vittmi huwa li tisma’ l-ġerħa tagħhom. L-appell prinċipali tiegħu huwa biex il-vittma dejjem tfittex l-għajnuna.

F’intervista ma’ Inewsmalta qal li hija tassew weġgħa ta’ qalb għalihom li jistudjaw dwar dawn l-affarijiet jew min jaħdem f’dan il-kamp, meta jkun hemm persuna li għaddiet minn abbuż u qatt ma fittxet l-għajnuna għax dawn ikunu qed iġorru bagalja tqila li faċilment ukoll iżżommhom milli jieħdu ċertu deċiżjonijiet f’ħajjithom u tħalli effett fuq relazzjonijiet anke taż-żwieġ, fost affarijiet oħra.

Qal: “Għalhekk l-appell tiegħi huwa biex il-vittma tfittex l-għajnuna u li ssir ġustizzja għax jekk issir ġustizzja miegħek, inti li inti vittma, qed tgħin il-vittmi oħrajn jew tipprevjeni milli jkollna iktar vittmi.”

“Il-maġġoranza ta’ dawk il-vittmi li tkellmu spiċċaw għenu vittmi oħrajn”

P. Zahra qal li l-maġġoranza ta’ dawk il-vittmi li tkellmu spiċċaw għenu vittmi oħrajn u pprevjenu milli dik il-persuna tkompli tabbuża iktar. Qal: “Jekk ikollok persuna li għadda qisu xejn mhu xejn minn każ wieħed jgħid mela allura jekk għaddejt minn dan, nista’ ngħaddi minn ieħor u ieħor, sakemm isib lil xi ħadd li jwaqqfu. Għalhekk illum il-Knisja qed toqgħod attenta għax, x’kien jiġri? Ifaqqa’ każ f’Parroċċa waħda, mela jaqilgħuh minn dik il-Parroċċa u jitfgħu oħra, bħallikieku f’Parroċċa oħra mhux se jabbuża tfal. Imbagħad jiġri li jerġa’ jabbuża lit-tfal hemmhekk. Kellek saċerdoti, f’rapporti ta’ Pensylvania tarhom li bagħtuhom għar-riforma u għall-għajnuna psikoloġija, ħarġuhom, jibgħatuhom f’Parroċċa oħra u nerġgħu nisimgħu bil-każijiet. Għalhekk ngħid li l-vittmi jistgħu jgħinu lilhom infushom u jgħinu lill-vittmi l-oħra. Nifhem li mhux faċli speċjalment jekk ikun għadda ż-żmien jew jekk il-persuna llum il-ġurnata tkun żżewġet u jkollha t-tfal.” Appella biex il-lingwaġġ tan-nies li jintuża meta jisimgħu b’dawn il-każijiet għandu jkun wieħed adegwat, għax minn wara l-kompjuter kulħadd faċli jitkellem imma meta tisma’ l-każijiet u l-ferita tal-persuni tkun ħaġa differenti.

“X’garanzija għandna li bħalissa m’għandiex minn qed jabbuża?”

Wara l-aħħar każ li ġie rrappurtat fil-midja, fejn żewġ saċerdoti qed jiġu mixlija li abbużaw minn tifel, P. Zahra kien qal li dan mhux l-ewwel u lanqas l-aħħar każ t’abbuż mill-kleru fil-midja. Mistoqsi xi jfisser b’din il-frażi, qal li jittamaw li ma jkunx hemm każijiet oħra bħal dawn imma jista’ jkun hemm lok li bħalma dawn il-vittmi tkellmu, ikun hemm vittmi li llum jirrealizzaw li dak li sar fil-passat kien abbuż. Fil-fatt ħafna mill-vittmi ma jindunawx mill-ewwel min dak li jkun ġara kemm minħabba l-età li jkollhom jew għax jinħakmu bil-biża’ u mbagħad jista’ jagħti l-każ li meta jisimgħu b’dawn il-każijiet, jirrealizzaw li dak li seħħ magħhom kien proprja abbuż u allura bħal donnhom jagħmlu l-kuraġġ biex isibu l-għajnuna jew jiftħu qalbhom ma’ xi ħadd. B’dan il-mod huwa qal li jista’ jagħti lok li fil-futur insiru nafu b’każijiet li ilhom mistura.

Huwa qal: “X’garanzija għandna li bħalissa m’għandiex minn qed jabbuża? Ħadd m’għandu garanzija. Jalla le u nittamaw li le għax illum hemm policies ċarissimi.”

Semma li l-knisja f’Malta kienet waħda mill-ewwel djoċesijiet tal-knisja li kellha r-response team dak iż-żmien u li l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca kien wieħed mill-ewwel isqfijiet li waqqaf Safe Guarding Commission. Dan kollu juri li l-knisja f’Malta dejjem ħaditha bis-serjetà din ir-realtà. Żied jgħid pero li ma jfissirx li mhux se jkollna jew li nserrħu rasna li qatt mhu se jkollna iktar tfal li jiġu abbużati fil-knisja.

Disprezz lejn il-vittma ta’ abbuż sesswali li ttiha l-flus bħala kumpens

Mistoqsi dwar jekk ladarba saċerdot jinstab ħati ta’ abbuż mill-qorti, iħossx li l-knisja għandha tagħti kumpens lill-vittma qal li jħoss li qed tqarraq bil-vittma meta ttih il-flus għax bil-flus ma tkun qed issolvilu xejn. Saħansitra sostna li għalih dan ikun ta’ disprezz lejn il-vittma. 

Qal: “Jekk qed nifhmu kumpens finanzjarju, jiena ningħata kumpens jekk xi ħadd ikissirli l-karozza u ma jkunx tort tiegħi u tlift il-karozza jew jekk xi ħadd waqqali l-bini, sfajt bla dar u jrid jikkumpensali d-dar. Imma xi ħadd li għamilli ġerħa fil-ħajja tiegħi, jiena nista’ nsewwiha bil-flus? Il-flus jistgħu jreġġgħu dak li ġara? Li jkun hemm kumpens ta’ għajnuna psikoloġika, psikjatrika jew ta’ counsellors, allura iva naħseb li dik għandha tkun it-tip ta’ għajnuna li tingħata. Tara barra minn Malta li bil-kumpens ma solvew xejn. Tisma’ vittmi jgħidulek: Imbilli ħadt il-flus? Din fuq ħajja qed nitkellmu, mhux xi ħaġa materjali.”

“Jekk il-Knisja mhix lesta tisma’ l-ferita tagħhom tkun qed tfalli”

Mistoqsi kif jemmen li trid issir ġustizzja mal-vittmi, P. Zahra qal li l-ewwel tip ta’ ġustizzja mal-vittmi hija li tisma’ l-ġerħa tagħhom. Qal li jekk il-Knisja mhix lesta tisma’ l-ferita u kriżi tagħhom ta’ dak li jkunu għaddew, allura tkun qed tfalli. Żied jgħid li huwa importanti li nisimgħu l-weġgħat ta’ dawn in-nies u tal-familji tagħhom u jkunu lesti li jilqgħuhom b’idejn miftuħa.

B’referenza għall-aħħar każ taż-żewġ saċerdoti li ġie rrappurtat fil-midja, mingħajr ma jidħol fid-dettall, qal li l-fatt li kien hemm żewġ saċerdoti li għenu lill-vittma u wassluh biex imur għand is-Safe Guarding Commission biex ifittex l-għajnuna u jirrapporta, dak huwa sinjal pożittiv ukoll.

Spjega li dan kollu jieħu proċess għax wieħed irid jara li jkollu l-informazzjoni kollha miġbura għax bejn tkun trid tissalvagwadja lill-vittma, li hija l-ewwel prijorità, imma fl-istess ħin għandek il-persuna l-oħra għax jekk il-każ ma jkunx wieħed veru allura tkun qed tkisser il-ħajja ta’ dik il-persuna wkoll kif sfortunatament ġara f’ċertu każijiet.

“Kien hemm ukoll min għamel suwiċidju”

P. Zahra qal li l-abbuż ikissrek totalment. L-ewwel nett għax issir xi ħaġa kontra l-volontà tal-persuna, il-persuna hija taħt l-età allura mhux konxja ta’ dak li qed jiġri apparti mill-fatt li jħalli effetti fuq ir-relazzjonijiet futuri tal-persuni anke relazzjonijiet ta’ żwieġ jew biex wieħed jiżviluppa s-sesswalità tiegħu, fost l-oħrajn. 

Qal li f’ċertu każijiet li ra barra minn Malta saħansitra kien hemm min wasal sal-punt li jagħmel suwiċidju.  Huwa għalhekk li enfasizza li ġara meta ġara, sew jekk sar għoxrin jew tletin sena ilu, il-vittma għandha dritt li tinstema’ biex eventwalment tikseb l-għajnuna li jkun hemm bżonn.

Mistoqsi dwar kif jispjega l-fatt li l-vittmi ġeneralment ikunu subien u fil-maġġor parti tagħhom ta’ età żgħira, qal li hemm żewġ affarijiet. “Għax int għandek il-pedofelija, li bniedem ikun inklinat lejn it-tfal, u l-każijiet li nisimgħu fejn it-tfal ikunu taħt l-età dik allura tkun pedofelija.” Żied jgħid pero li kellna każijiet fejn saċerdoti abbużaw minn bniet ukoll.

Nikkundanna dak l-aġir li sar u l-ħsara li saret”

Mistoqsi jekk bħala membru tal-kleru, jikkundannax membri tal-kleru li jkunu wettqu abbuż sesswali fuq persuna oħra, qal li allaħares ma jagħmilx hekk u sostna li jikkundanna dak l-aġir u l-ħsara li saret. 

Qal: “Allaħares nagħtu l-barka jew nagħlqu għajnejna u widnejna quddiem dawn ir-realtajiet. Jekk tiġi vittma tkellimni fuq dak li ġara u jien ma nieħux azzjoni, inkun qed inkun kompliċi u jekk ikollok vittmi li ma jitkellmux jista’ jkun li dak is-saċerdot li wettaq dak l-abbuż darba, x’garanzija hemm li mhux se jsib tfal oħra? Fil-fatt il-pattern ta’ meta tistudja dawn il-każijiet jurina li dawn jiġru. Interessanti tara l-patern tal-grooming kif ikun qed isir. Il-mod kif jibda jaċċessa lit-tifel jew lit-tifla biex jasal fejn għandu jasal u tara li l-istess pattern jużah ma’ tfal oħra. Ladarba juża’ pattern u ħadimlu, jibqa’ jużah mat-tfal l-oħra.”

“L-iscreening psikoloġiku… Jgħin imma mhux infallibli”

Mistoqsi jekk jemminx li għandu jsir screening psikoloġiku fuq dawk in-nies li juru x-xewqa biex jingħaqdu ma’ xi seminarju jew dar reliġjuża, P. Zahra qal li dan isir u ilu ħafna isir. Dwar dan huwa qal: “ Huwa 100%? Hija għodda li tgħin imma 100% qatt. Min huwa responsabbli li jaċċetta membri fil-ħajja reliġjuża u fis-seminarji, jitlob dan l-iscreening. Almenu għandna dan it-tip ta’ filtering li qed isir imma kif semmejt, mija fil-mija mhuwiex. Jgħin imma mhux infallibli. Qed jitħaddem u ċert li qed jitħaddem jiġifieri llum l-ebda isqof jew provinċjal ma jaċċetta lil xi ħadd fl-ordni jew fis-seminarju mingħajr ma jkollu dak l-iscreening.”

“Il-fatt huwa li l-kultura ma tgħinx”

P. Zahra qal li minħabba li l-kultura tagħna f’pajjiżna hi li hi – fejn għandek kultura Kristjana fejn il-knisja, irrid u ma rridux nammettu, għandha rwol importanti fis-soċjetà Maltija u huwa għalhekk li meta nisimgħu b’dawn il-każijiet jinħoloq terremot u rabja fost il-kleru u s-soċjetà inġenerali. Qal li ma jiskantax li hemm ġenituri li għandhom tfal abbatini fejn jibdew jistaqsu jekk huwiex lok li jibqgħu jibgħatuhom. Filwaqt li qal li din hija xi ħaġa awtomatika li ssir, wieħed ma jridx jagħmel l-iżball u jpoġġi lil kulħadd f’keffa waħda għax ma jfissirx li s-saċerdoti kollha huma hekk.

B’referenza għall-fatt li jkun hemm min jistaqsi għaliex qed nisimgħu b’każijiet li jkunu seħħew għaxar jew għoxrin sena ilu, P. Zahra qal li l-fatt huwa li l-kultura ma tgħinx. Qal: Eżempju jekk aħna qed ngħixu f’kultura li s-saċerdot intellgħuh fuq pedestall, iva huwa bniedem ta’ Alla u kkonsagrat ta’ Alla, imma qisu għaddejna minn perjodu li fil-kultura tas-soċjetà Maltija qisu s-saċerdot ifisser kollox allura jkun hemm min jistaqsi: ‘Allura saċerdot jista’ jagħmel hekk? It-tifel qed jigdeb’. Iktar u iktar jekk is-saċerdot ikun il-ħabib tal-familja u t-tifel jew it-tifla li qed jiġu abbużati jibdew jibżgħu jitkellmu anke minħabba l-familja jew għax jista’ jkun li s-soċjetà dak iż-żmien kienet tiħodha kontrihom.”

Qal li f’każijiet li jkunu seħħew f’Għawdex, il-kultura hija ftit jew wisq differenti mill-kultura f’Malta fejn anke minħabba ċ-ċokon tal-irħula f’Għawdex, kollox kien idur mal-knisja u s-saċerdot jew l-arċipriet kien bħal donnu l-factotum ta’ ħafna affarijiet. Għalhekk huwa importanti li wieħed jistudja kull każ u f’liema kultura u soċjetà jkun qed isir.

“Importanti li ma nallarmawx ruħna jew immorru minn estrem għall-ieħor”

P. Zahra qal li importanti li ma nallarmawx ruħna jew immorru minn estrem għall-ieħor. Qal li xi ħaġa li tinkwetah ħafna hija li peress li nisimgħu b’abbużi sesswali minn membru tal-kleru, qisu bħal donnu wieħed jibda jassoċċja dan it-tip ta’ abbuż ma’ hekk biss, bħallikieku l-abbuż jagħmluh biss is-saċerdoti u l-abbuż sesswali jsir mat-tfal u mal-abbatini. Qal li r-riċerka turina b’mod differenti. “Hemm ammont ta’ abbużi li jsiru fil-familja, membri tal-familja u ħbieb tal-familja. L-akbar persentaġġ li nsibu huwa dak. Ovjament hemm l-abbużi tal-knisja wkoll allura rridu nkunu konxji li huwa ċar li dawn l-affarijiet seħħew u m’għandniex garanzija li mhux qed iseħħu. Imma tajjeb li nfakkru li dawn ma seħħewx biss f’istituzzjonijiet tal-knisja.”

Share With: