L-ewwel sfidi għal Joe Biden

Kif konna rajna f’diversi artikli oħra minn din il-paġna, Joe Biden kien ilu jissaltja sabiex isir il-president tal-Istati Uniti sa mill-1987. Għalhekk, ir-rebħa tieghħ fuq Donald Trump tista’ titqies bħala ħolma li fl-aħħar saret realtà. 

Però, ċ-ċirkostanzi prekarji li fihom Biden sejjer ikun qiegħed jieħu f’idejh it-tmexxija tal-aktar pajjiż b’saħħtu fid-dinja jistgħu jirrendu lil din il-ħolma għal xejn anqas minn ħmar il-lejl għalih. Naturalment, l-akbar uġigħ ta’ ras għall-president il-ġdid sejra tkun il-pandemija, aktar u aktar wara li l-predeċessur tiegħu, Donald Trump, kien dam ħafna jkaxkar saqajh fil-ġlieda kontra il-Covid-19. Mhux sejjer ikun faċli għal Biden li jnaqqas l-inerzja li qabad il-virus ġewwa l-Istati Uniti, fejn diġa’ qatel kważi nofs miljun ruħ. Ma’ dawn l-imwiet kolla, wieħed irid iżid it-tbatija li qegħdin isofru miljuni ta’ familji Amerikani wara li ntilfu miljuni ta’ postijiet tax-xogħol. 

Barra mill-effetti tal-pandemija, Biden sejjer ikun qiegħed jaffaċja sitwazzjoni pjuttost mingħajr preċedent għall-presidenza Amerikana. Din hija d-dekadenza tad-demokrazija ġewwa pajjiżu stess, konsegwenza tal-politika mingħajr regoli u nieqsa għalkollox minn kull forma ta’ etika politika li mexa biha Donald Trump.

Is-soluzzjoni ta’ Biden għall-effetti tal-pandemija

F’diskors twil rigward il-pjan li sejjer ikun qiegħed juża l-President Biden sabiex jegħleb lill-Covid-19, huwa qal li sejjer ikun qiegħed jimxi fuq il-passi li kienu użati snin twal ilu fl-Istati Uniti sabiex il-poplu ġie mlaqqam kontra l-marda tal-Polio.

Biden qal li sejjer ikun qiegħed jmexxi l-proċess ta’ skala enormi sabiex il-popolazzjoni kollha tingħata l-vaċċin qabel is-sajf li ġej. Biden qal li biex dan il-pjan jirnexxi huwa jrid jikkordina bl-eżatt il-ħidmiet tad-diversi saffi amministrattivi li jikkaretterizzaw il-politika Amerika li jinkludu l-gvern federali, dawk statali u lokali.

Statistikament, il-pjan ta’ Biden li jikkonċentra fuq id-distribuzzjoni tal-vaċċin jagħmel ħafna sens. Dan għaliex permezz tal-vaċċin u bil-bidla fit-temp, ir-rata tat-trażmissjoni tal-vaċċin għandha ċans tajjeb li tinżel drastikament. Kemm-il darba n-numri jinżlu b’tali mod li r-rata ta’ infezzjoni minn kull persuna tinżel taħt in-numru wieħed, l-imxija tal-virus tibda tonqos b’mod esponenzjali, l-kontra ta’ dak li qiegħed jiġri bħalissa fejn qegħdin naraw in-numru ta’ każi ġodda jiżdiedu b’mod esponenzjali.

Soluzzjoni ekonomika

Naturalment, it-tnaqqis fl-imxija tal-virus isolvi b’mod awtomotiku l-problema l-kbira l-oħra li ħalliet l-pandemija, jiġifieri dik tat-telfien tal-postijiet tax-xogħol. 

Milli jidher il-problemi ekonomiċi minn dejjem jiġru wara Joe Biden. Dan għaliex meta huwa kien ħa l-kariga tal-Viċi President ta’ Barack Obama, lura fl-2009, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżu kienet waħda tassew imwegħra kaġun tal-kriżi finanzjarja li kienet għaddejja minnha d-dinja f’dik il-ħabta, kriżi li kienet oriġinat fl-Istati Uniti, wara l-kollass tas-suq tal-proprjetà.

Minkejja li xorta ghandu sfida kbira sabiex joħroġ lin-nies li tilfu xogħolhom mit-tbatijiet li għaddejjin minnhom, is-sitwazzjoni ekonomika li wiret Joe Biden mingħand Trump hija ferm aħjar minn dik li kien sab Barack Obama, 12-il sena ilu. Dan għaliex din id-darba, l-problema ta’ nuqqas ta’ xogħol hija kkonċentrata f’kategorija waħda ta’ xogħlijiet u mhux fuq is-suq kollu tal-impjiegi. Fil-fatt, studju li sar minn esperti f’dan is-settur wera biċ-ċar li l-kriżi qiegħda tolqot b’mod goff lil dawn il-postijiet tax-xogħol li sabiex jagħmlu l-profitt jeħtieġu li jkun possibbli li jkun hemm numru sostanzjali ta’ nies fl-istess ħin ġewwa spazju ristrett, bħal fil-postijiet ta’ divertiment u fl-ajruporti. 

Kemm-il darba l-pjan ta’ Biden, li permezz ta’ tilqim qabel is-sajf jgħin sabiex in-numru ta’ infezzjonijiet jinżel b’rata aktar mgħaġġla minn dik li kienet mistennija konsegwenza ta’ temperaturi aktar għoljin, jirnexxi, dan għandu jghin lil dawn il- kategoriji ta’ xogholijiet jirkupraw mhux ħażin minħabba li n-nies jibdu joħorġu mill-istat ta’ ibernazzjoni imposta fuqhom mill-pandemija.

Injezzjoni ta’ aktar għajnuna

Arma oħra li għandu Biden fil-kruċjata tiegħu kontra l-Covid-19 hija l-facilità li għandu kull President Amerikan li jissellef l-flus prattikament mingħajr interess, naturalment f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza nazzjonali.

Bħalissa, fil-Whitehouse qegħdin jinħmew pjanijiet sabiex il-gvern federali jinjetta aktar flus fl-ekonomijja sabiex jiżdiedu l-flus allokati għad-distribuzzjoni tal-vaċċin madwar il-pajjiż kollu u sabiex tingħata aktar ghajnuna lil dawk in-nies li bħalissa ma għandhomx impjieg. Parti oħra minn dawn il-flus mistennija tingħata bħala għajnuna supplementari lil dawk il-familji li għandhom l-ulied. 

Din l-injezzjoni finanzjarja addizzjonali mistennija tilħaq iż-żewg triljun dollaru Amerikan. Flimkien mal-istimolu ekonomiku kontra l-effetti tal-pandemija li kien alloka Donald Trump, biż-żieda ta’ Biden, il-flus mitfugħa fl-ekonomija mill-gvern federali sejrin ikunu qegħdin jilħqu s-somma astronomika ta’ kważi 30% tal-prodott gross domestiku tal-Istati Uniti ta’ qabel ma faqqgħet il-pandemija.

Il-kriżi Trumpjana

L-effetti negattivi li ħalla Trump fuq il-politika Amerikana ħarġu fil-beraħ bil-preżenza militari mingħajr precedent waqt l-inawgurazzjoni ta’ Biden bħala s-46 president Amerikan li saret il-ġimgħa l-oħra. Il-kważi 30,000 suldat li kienu qegħdin jgħassu din iċ-ċerimonja żgur li hija riflessjoni ċara tal-istat ta’ instabbilità fil-prinċipji demokratiċi li suppost jħaddan il-poplu Amerikan.

Il-problema prinċipali li mistenni jaffaċċja Biden matul il-presidenza kollha hija li l-Partit Repubblikan neħħa l-istrutturi tradizzjonali tiegħu fil-ġerarkija ta’ tmexxija u ġie organizzat madwar il-persuna ta’ Trump. Naturalment, struttura ta’ partit ibbażata fuq il-kult tal-personalità timponi r-regoli tal-mexxej fuq il-membri kollha tal-partit. Apparti s-soliti l-problemi li ġġib magħha tmexxija minn persuna waħda, l-Partit Repubblikan għandu problema oħra minħabba din l-istruttura l-ġdida. Din hija li l-persuna li suppost toffri xi forma ta’ regoli fuq il-membri ma temminx fir-regoli u kemm-il darba ħadet deċiżjonijiet impulsivi bbażati fuq is-saħna tal-mument. Jekk il-Partit Repubblikan jaddotta dan il-metodu sabiex jivvota fis-senat fuq liġijiet li ilhom is-snin jiġu miktuba, dan sejjer ikun ta’ xkiel kbir għal Biden.

Flimkien mal-kriżi li ħalla warajh Trump fuq id-demokrazija, Biden għandu diversi sfidi oħra li ħallielu Trump u li jrid jaffrontahom mill-aktar fis possibbli. Dawn jinkludu problemi serji fil-mod ta’ kif il-poplu Amerikan qiegħed jirċievi ċertu servizzi bażiċi. Fil-fatt, minħabba l-pandemija ħareġ biċ-ċar li s-servizzi tas-saħħa qegħdin jilħqu lin-nies skont il-kulur tal-ġilda. Dan ġie rifless fir-rati għoljin ta’ mwiet bil-Covid-19 fost il-popolazzjoni ta’ ġilda skura. 

Problema oħra li Biden jeħtieġ li jsolvi malajr hija dik li jrid jerġa’ jdaħħal ċertu fiduċja fil-poplu rigward l-istituzzjonijiet Amerikani, fiduċja li kompliet tintilef minħabba n-numru kbir ta’ maħfriet skandalużi li ta Trump matul il-presidenza tiegħu. 

Biden irid ukoll jerġa’ jibni l-pontijiet ma’ diversi alleati naturali tal-Istati Uniti li tneħħew minn Trump. Aktar diffiċli għal Biden sejjer ikun il-mod ta’ kif irid jiddilja ma’ pajjiżi bħar-Russja li magħha jrid jiftiehem fuq kwistjonijiet importanti ħafna bħal dak tal-kontroll fuq l-armamenti nukleari u fuq kollox maċ-Ċina wara erba’ snin ta’ Trade Wars li naturalment fuqhom hemm il-firma ta’ Trump.

Naturalment, ħadd ma għandu jistenna mirakli minn dan il-politiku veteran. Il-feriti li ħallielu Trump mhumiex sejrin ifiqu mil-lum għal għada. Però, l-politika moderata li dejjem addotta Biden taf tkun strumentali sabiex tinbeda paġna ġdida fil-White House u forsi jibda jitħassar bil-mod il-kapitlu tal-presidenza Trumpjana mill-imħuh tal-Amerikani.

Share With: