L-ewwel Learning Garden f’Għawdex iffinanzjat b’€120,000 fondi Ewropej

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi nedew uffiċjalment il-proġett ‘Learning Garden’ ġewwa Għajnsielem li  applikaw għalih il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, flimkien mal-Birdlife u l-Federazzjoni ta’ Persuni  b’Diżabilità f’Għawdex. 

Il-Ministru Clint Camilleri qal li “l-Learning Garden se jkun qed jipprovdi spazju biex it-tfal ikunu  jistgħu jitgħallmu b’mod differenti f’ambjent miftuħ. Dan il-ġnien se jkun wieħed inklussiv, hekk kif  ix-xogħlijiet li se jsiru f’dan il-bandli se jkunu jistgħu jitgawdew minn kulħadd, fosthom dawk it-tfal  li huma neqsin mid-dawl.” Huwa spjega kif proġetti bħal dawn jippreservaw il-kultura u l-wirt  Għawdxi, hekk kif se jkun qed jinkludi post li fih jintlagħbu logħob tradizzjonali. Temm jgħid li dan  il-proġett huwa wieħed fost għadd ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa fl-irħula Għawdxin. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li dan il-proġett qed isir b’investiment ta’  €120,000 b’fondi Ewropej, fejn il-fondazzjoni Gal Gozo qed tagħti aktar opportunitajiet għal sħubijiet  bejn eNGOs u kunsilli lokali biex jaħdmu flimkien għall-benefiċċju tal-lokalità.  

Huwa qal li “permezz ta’ dan il-proġett, se nipprovdu mod uniku sabiex it-tfal jirċievu t-tagħlim  tagħhom f’ambjent miftuħ permezz ta’ logħob u metodi innovattivi.” Is-Segretarju Parlamentari  saħaq li proġetti bħal dawn juru kemm huwa importanti li jkollna soċjetà aktar inklussiva u li taħseb  fil-bżonnijiet ta’ kulħadd.  

Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat permezz tar-raba’ miżura tal-programm LEADER, amministrata  mill-fondazzjoni Gal Gozo.

Share With: