“L-ewwel każ tax-xorta tiegħu f’pajjiżna”

il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti dwar il-każ tal-minuri protetta b’ordni ta’ ħarsien li sfat sekwestrata minn ġenitur u ttieħdet barra l-pajjiż 

Miktub minn Maria Azzopardi

Il-każ tat-tifla ta’ seba snin protetta b’ordni ta’ ħarsien (care order) li sfat sekwestrata minn ġenitur u ttieħdet barra l-pajjiż permezz ta’ passaport falz huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu.

Hekk qal ma’inewsmalta l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti. Spjega li kien hemm xi ftit każijiet fejn ġenituri li kienu qed jisseparaw u wieħed jew waħda kien barrani li qabad lit-tifel jew it-tifla u telaq bihom lura lejn pajjiżu imma dawk ma kienux taħt dak li jissejjaħ care order

F’dan ir-rigward, Grixti qal li xi ftit tal-ġimgħat qabel dan il-każ kellhom każ fejn raġel barrani miżżewweġ barranija imma li kienet vittma tal-vjolenza domestika tiegħu fuqha ħarab minn Malta bit-tfal u l-ħabiba tiegħu li ppużat ta’ ommhom imma fi żmien 24 siegħa l-Pulizija rintraċċawhom il-Belġju u ġabu lit-tfal lura. 

Grixti: Deċiżjoni li se ssaħħaħ idejn l-awtoritajiet Maltin biex it-tifla tinġieb lura

Il-ġimgħa l-oħra, il-Qorti tal-Familja tat sentenza li permezz tagħha ddikjarat li t-tifla ta’ seba’ snin li ttieħdet barra minn Malta erba’ xhur ilu kien sar b’mod illeċitu u bi ksur tal-liġi ta’ Malta kif ukoll ta’ konvenzjoni internazzjonali fir-rigward. Erba’ xhur wara li seħħ il-każ, il-Qorti laqgħet rikors biex dan il-każ ikun meqjus bħala ħtif ta’ minuri (Child Abduction).

Grixti qal li d-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti issa se ssaħħaħ idejn l-awtoritajiet Maltin biex it-tifla tinġieb lura. Żied jgħid li l-fatt li legalment dan issa huwa każ ta’ sekwestru ta’ minuri jfisser li aġenziji barranin huma obbligati aktar bis-saħħa tal-liġi internazzjonali li jgħinu fit-tfittxija għat-tifla u r-ritorn tagħha lura Malta.

Grixti qal: “F’dan il-każ il-fatt li ma kienetx qed titqies bħala abduction kien qed ixekkel xi ftit l-isforzi tagħna. Issa li l-każ ġie dikjarat bħala abduction mill-Qorti nemmen li l-affarijiet se jiċċaqilqu aktar.”

Mistoqsi dwar jekk għandhomx xi indikazzjonijiet ta’ fejn it-tifla ta’ seba’ snin li ttieħdet barra mill-pajjiż minn ommha erba’ xhur ilu, Grixti qal li minħabba li din l-investigazzjoni għadha għaddejja u qed tkun investigata attivament mhumiex f’pożizzjoni li jgħidu dak li jafu fil-pubbliku.

Huwa assigura li: “Kull informazzjoni li tasal għandna ngħadduha lill-Pulizija u lis-Central Authority ta’ Malta mwaqqfa taħt l-obbligi tagħna li joħorġu mill-Hague Convention biex dawn jagħmlu l-kuntatti meħtieġa mal-kontra-partijiet tagħhom barra minn Malta ħalli t-tifla tinstab u tinġieb lura Malta.”

Meta f’Novembru li għadda dan il-ġurnal kien tkellem mal-foster parent tat-tifla ta’ seba’ snin hija kienet qalet li kienu ilhom ma jisimgħu leħen it-tifla mill-11 ta’ Ottubru. Din it-tifla kienet tgħix ma’ din il-foster family minn mindu kellha biss sitt xhur u mit-Tnejn sal-Ġimgħa kienet qiegħda magħhom.  

Fi tmiem il-ġimgħa hija kellha aċċess mhux sorveljat ma’ ommha. Dan l-aċċess kien possibbli wara deċiżjoni tal-bord ta’ reviżjoni, fejn anke l-minuri stess kienet esprimiet ix-xewqa li tqatta’ iktar ħin ma’ ommha. 

Fit-12 ta’ Ottubru d-Direttorat għall-Kura Alternattiva kien infurmat mill-foster family li l-omm naqset milli tirritorna lill-minuri d-dar u tard waranofsinhar tal-istess ġurnata, il-pulizija infurmat lid-Direttorat li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew.

Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Michael Falzon qal li flimkien mat-tim legali tiegħu għaddejjin b’ħidma ma taqta’ xejn biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex it-tifla tinstab u tiġi lura Malta. 

Share With: