L-Ewropa maħkmuma minn żidiet fil-każi u l-imwiet mill-Covid-19 relatati mal-varjanti ġodda tal-virus

L-awtoritajiet tas-saħħa fiċ-ċentru tal-Ewropa wissew li qed jaraw żieda sinjifikanti ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 fir-reġjun hekk kif qed ikomplu jinstabu varjanti ġodda tal-virus.

Il-Ministru għas-Saħħa Pollakk, Adam Niedzielski, qal li ġie reġistrat l-ewwel każ ta’ varjant li nstab l-ewwel fl-Afrika t’Isfel. Dan filwaqt li 10% tal-każi fil-Polonja issa huma attribwiti mal-varjant li nstab fir-Renju Unit.

“Qed nidħlu f’sitwazzjoni ta’ kriżi mill-ġdid. Issa huwa f’idejna biex naraw fejn se tkun il-quċċata ta’ din it-tielet mewġa ta’ infezzjonijiet,” saħaq Niedzielski, filwaqt li ħeġġeġ biex in-nies taġixxi b’mod responsabbli biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-virus.

Ir-Repubblika Ċeka, wieħed mill-aktar pajjiżi milqutin mill-Covid-19 fil-blokk Ewropew, ilbieraħ nidiet aktar miżuri restrittivi hekk kif kienet reġistrata żieda sinjifikanti ta’ każi mill-varjant tar-Renju Unit.

Il-Gvern qal li d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ġiegħlitu biex jabbanduna l-pjani tiegħu biex jerġa’ jħalli lill-ħwienet kollha jiftħu mill-ġdid mill-ġimgħa li ġejja.

Is-Slovakkja wkoll huwa wieħed mill-pajjiżi milqutin ħażin mill-pandemija. Din il-ġimgħa saret l-aktar pajjiż b’imwiet b’paragun mad-daqs tal-popolazzjoni hekk kif irreġistrat żieda sinjifikanti fil-każi relatati mal-varjant mir-Renju Unit.

L-Ungerija rat tibdil fit-tendenza ta’ dawn l-aħħar xhur, hekk kif minn tnaqqis fin-numru ta’ każi ġodda u mwiet matul ix-xahar ta’ Diċembru issa ġiet reġistrata żieda fil-każi hekk kif il-pajjiż beda jirċievi konsenji tal-vaċċini mir-Russja u ċ-Ċina.

Uffiċjali tas-saħħa fil-Ġermanja qed iwissu wkoll li tnaqqis riċenti fin-numru tal-każi jista’ jinbidel f’perjodu ta’ żieda sinjifikanti fl-infezzjonijiet mill-virus.

Share With: