L-AstraZeneca se tibda tingħata lil persuni li għandhom inqas minn 65
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar kif fuq parir tal-Kumitat Xjentifiku tal-COVID Malti, l-użu tal vaċċin tal-Astrazeneca se jitla’ għal nies ta’ taħt il-65 sena. Huwa spjega kif għadd ta’ pajjiżi qegħdin jagħmlu l-istess pass, anke għaliex iktar ma jgħaddi żmien, iktar qed jiżdiedu l-istudji fuq dan il vaċċin u l-effiċjenza tiegħu.
Dwar il-programm tal-vaċċin tal-COVID-19, hu esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li l-Awtoritajiet tas Saħħa qegħdin jantiċipaw il-pjan oriġinali, tant li fil-jiem li ġejjin, persuni li għandhom ’il fuq minn 75 sena se jibdew jirċievu l-ittra tal-appuntament tat-tilqima tagħhom.
Hu ħabbar ukoll li din il-ġimgħa se toħroġ sejħa għat-tobba tal-familja li jixtiequ jlaqqmu lill-pażjenti tagħħhom huma stess, b’mod koordinat, u sejħa oħra għat-tobba li jixtiequ jgħinu fil-programm ta’ vaċċinazzjoni nazzjonali.
Id-Deputat Prim Minsitru kkummenta wkoll dwar iż-żieda fil-każijiet pożittivi tal-COVID-19, fejn spjega kif madwar ħmistax fil-mija tal-każijiet il-ġodda qed jirriżultaw mir-Rapid Testing, li fl-aħħar jiem bdew jiġu rrappurtati fl-istatistiċi uffiċjali ta’ kuljum. Filwaqt li spjega li ż-żieda tal-każijiet tal varjant Ingliż f’ pajjiżna wkoll qiegħed jattribwixxi għaż-żieda fil-każijiet. Madanakollu huwa wissa dwar nuqqas ta’ dixxiplina li qed tkun osservata u appella lill-pubbliku sabiex jibqgħu japplikaw il prekawzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Mistennija jitnaqqsu l-miżuri restrittivi fid-djar tal-anzjani
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li fid-djar tal-anzjani fejn tlaqqmu aktar minn 90% tal-anżjani se jibdew jonqsu l-miżuri restrittivi ġaladarba jgħaddu għaxart ijiem mit-tieni doża. Hu spjega li din id deċiżjoni ttieħdet b’mod konġunt mal-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva fid-dawl tar riżultati pożittivi tanġibbli li qed iħalli l-vaċċin.
Id-dettalji ta’ kif se jibdew jonqsu l-miżuri restrittivi se jingħataw fil-ġranet li ġejjin.
Inawgurati tliet echocardiac systems ġodda f’ Mater Dei
L-Isptar Mater Dei inawgura tliet echocardiac systems ġodda li mistennija jtejbu s-servizz offrut mid Dipartiment tal-Kardjoloġija f’Mater Dei, dan peress li dawn il-magni l-ġodda, li jużaw teknoloġija avvanzata, se jtejbu l-kwalità ta’ għadd ta’ testijiet offruti preżentament, filwaqt li kapaċi joffru servizzi ġodda.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dawn il-magni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa spjega kif dan l-investiment huwa wieħed minn għadd ta’ upgrades li qed isiru fil-qasam tal-medical imaging fid-dipartimenti kollha tal-isptar. Huwa fisser kif minkejja r-restrizzjonijiet fuq is-sistema tas-saħħa kkawżati mill-pandemija, tul is-sena li għaddiet, dan id-Dipartiment irnexxielu jagħmel 13,500 echocardiogram.
Min-naħa tiegħu, il-kardjologu Robert Xuereb spjega l-benefiċċji li se joffru dawn il-magni l-ġodda u kif se jiffaċilitaw xogħol it-tobba li jispeċjalizzaw fil-mard tal-qalb.