L-Ajruport bi tnaqqis ta’ kważi €70 miljun fid-dħul totali matul l-2020

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta llum ippubblika r-riżultati finanzjarji għas-sena 2020, fejn irrapporta li d-dħul totali ġġenerat mill-Grupp tul is-sena li għaddiet naqas bi €68 miljun (-67.9%) meta mqabbel mai-2019.

Il-pandemija tal-Covid- 19, li ġabet magħha għadd ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, wasslet għal tnaqqis ta’ 76.1% fin-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tul l-2020 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan it-tnaqqis wassal għall-agħar riżultat tat-traffiku sa mill-privatizzazzjoni tal-ajruport fl-2002, kif ukoll għall-ewwel sena li ngħalqet bit-telf minn dakinhar ‘l hawn.

Ir-riżultati finanzjarji ta’ Malta lnternational Airport plc juru li filwaqt li d-dħul mis-segment tal-avjazzjoni tal-Kumpanija wera tnaqqis ta’ 74.8%, id-dħul minn attivitajiet tan-negozju mhux marbutin mal-avjazzjoni, inklużi l-prodotti VIP, il-kera u l-parkeġġ, naqas b’51.4%.

B’kuntrast mai-2019, meta l-Grupp temm is-sena bi profitt wara t-taxxa ta’ €33.9 miljun, is-sena 2020 ngħalqet b’telf nett ta’ €4.3 miljun.

“Ir-riżultati eċċellenti li ksibna qabel l-2020 sarrfu f’reżiljenza li għenitna naffaċċjaw l-isfidi bla preċedent tas-sena li għaddiet. Minħabba li inċertezza sinifikanti u kunfidenza tal-konsumatur baxxa qegħdin ikomplu jiddominaw l-industrija talavjazzjoni, jeħtieġ li nkomplu nkunu kawti fil-ġestjoni tal-finanzi tagħna sabiex insaħħu l-abbiltà tagħna li nilqgħu għal aktar maltemp u nħarsu l-interessi fit-tul tal-partijiet interessati kollha, filwaqt li naċċertaw li nkunu lesti għal meta l-industrija tibda tirkupra,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta s-Sur Alan Borg.

Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Grupp juru wkoll li, permezz ta’ programm ta’ tnaqqis fl-ispejjeż u preservazzjoni tal-likwidità, Malta lnternational Airport plc kien irnexxielha tbaxxi n-nefqa totali tagħha għal €26.6 miljun (-28.3%) għas-sena inkwistjoni. Il-Grupp irrapporta li l-ispejjeż marbutin mal-persunal irreġistraw tnaqqis ta’ €2.2 miljun (-20.2%), b’riżultat tal-iskema tal-Covid-19 ta’ Suppliment għall-Pagi u tnaqqis temporanju fil-pagi li kien fis-seħħ bejn April u Lulju 2020, filwaqt li n-nefqa marbuta mal-operat tnaqqset bi €8.3 miljun (-31.8%).

Fl-2019 l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ aktar minn 7 miljun passiġġier. It-terminal preżenti tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ilu miftuħ għal dawn l-aħħar 28 sena li matulhom ġie żviluppat b’mod konsistenti.

Il-ftuħ reċenti ta’ parkeġġ b’diversi sulari – Park East – wassal sabiex il-parkeġġ disponibbli fil-kampus tal-ajruport jitla’ għal madwar 2,700 post. Barra minn hekk, SkyParks Business Centre – ċentru tan-negozju b’ċertifikat ekoloġiku BREEAM – joffri kważi 10,000 metru kwadru ta’ spazju għal uffiċini u 4,000 metru kwadru ta’ ħwienet u faċilitajiet oħrajn.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rebaħ it-titlu Best Airport in Europe mogħti minn ACI fl-2018 u l-2019. F’Novembru 2020, l-istess organizzazzjoni ppremjat lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bit-titli prestiġjużi Best Airport u HR Excellence, fil-kuntest tal-Covid-19.

Sabiex jimmassimizza l-kontribut tiegħu lejn il-patrimonju kulturali u ambjentali Malti, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqqaf il-Malta Airport Foundation fi-2014; organizzazzjoni mmexxija b’mod indipendenti u li ma tagħmilx qligħ.

Share With: