L-aħwa “Maksar” u Jamie Vella mixlijin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni llejla li ġiet indirizzata mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, jitresssqu l-Qorti t-tliet irġiel li ġew arrestati lbieraħ – l-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufin bħala “Ta’ Maksar”, u Jamie Vella – b’rabta mal-allegat involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop.

23.25: L-akkużati jibqgħu miżmumin taħt arrest wara li ma ssir l-ebda talba għal ħelsien mill-arrest.

23.23: Robert Agius u Jamie Vella jiġu akkużati b’assoċjazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia billi ssupplixxew il-bomba użata fil-qtil tagħha f’Ottubru tal-2017.

23.20: Adrian Agius jiġi akkużat li kkummissjoni l-qtil tal-avukat Carmel Chircop f’Birkirkara f’Ottubru tal-2015. Jamie Vella u George Degiorgio jiġu akkużati li wettqu d-delitt.

23.18: Il-Qorti tordna wkoll lid-direttur tal-Asset Recovery Bureau biex jinvestiga u jiffriża flus jew proprjetajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-kontroll tal-akkużati.

23.18: Il-Qorti tilqa’ t-talba li ssir mill-Avukat Ġenerali biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużati.

23.17: L-avuakt Abela jgħid lill-Qorti li f’dan l-istadju mhux se tkun qed issir talba għal bail.

23.13: L-avukat li qed jirrappreżenta lil George Degiorgio jgħid li l-klijent tiegħu mhux se jkun qed iwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu.

23.13: Jamie Vella jikkonferma li għandu 37 sena u li joqgħod s-Swieqi. Huwa jgħid li ma jaħdimx u huwa wkoll iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih.

23.12: Robert Agius jikkonferma li għandu 37 sena u li jgħix il-Baħrija. Huwa jgħid li jaħdem fil-kostruzzjoni u huwa wkoll iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih.

23.11: Adrian Agius jikkonferma ismu u kunjomu, u filwaqt li jgħid li jgħix il-Mellieħa jgħid li jaħdem fil-kostruzzjoni. Huwa jiċħad l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu.

23.10: Il-maġistrat jibda jindirizza mistoqsijiet lill-akkużati.

23.07: Is-Supretendent Arnaud jgħid li l-ammissjoni ta’ Vince Muscat ilbieraħ b’rabta mal-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u x-xhieda tiegħu fl-inkjesta maġisterjali u kif ukoll l-informazzjoni li għadda lill-Pulizija b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop wassal għall-arrest tal-erba’ rġiel.

23.07: Il-Prosekuzzjoni se tkun qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-ispetturi Shaun Pawney u Wayne Camilleri, u l-avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

23.06: Il-Maġistrat Victor Axiak jidħol fl-awla.

22.53: Preżenti fl-awla hemm it-tliet akkużati arrestati lbieraħ, kif ukoll George Degiorgio, li diġà qed jiffaċċja akkużi b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin se jkunu qed jirrappreżentaw lill-aħwa Agius.

Share With: