L-aħwa Adrian u Robert Agius, u Jamie Vella se jitressqu l-Qorti llejla
L-aħwa Adrian u Robert Agius, u Jamie Vella se jkunu qed jitressqu l-Qorti taħt arrest illejla. Qal dan il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà f’konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-ħin ilu.
It-tliet irġiel kienu arrestati waqt operazzjoni tal-Pulizija lbieraħ waranofsinhar, fejn qed ikunu suspettati li ssupplixxew il-bomba li ntużat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kif ukoll b’rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015.
Sa tard ilbieraħ filgħaxija l-Pulizija kienu għadhom qed iwettqu tiftix fiż-żona tal-Baħrija fejn ġew arrestati tnejn mis-suspettati. It-tielet suspettat kien arrestat fis-Swieqi.
L-arresti waslu wara li Vince Muiscat, magħruf bħala l-Koħħu, ammetta r-rwol tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat huwa mifhum li Muscat kien qed jikkopera mal-awtoritajiet bil-għan li tingħatalu sentenza aktar klementi f’każ li jammeti r-rwol tiegħu fil-każ u jagħti x-xhieda tiegħu kontra l-aħwa Degiorgio, li wkoll huma akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Muscat ingħata sentenza ta’ 15-il sena priġunerija.
Intant fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Kummissarju tal-Pulizija qal li kull persuna involuta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġiet arrestata.
Huwa żied jgħid li l-Pulizija m’għandha l-ebda evidenza li torbot lil xi politiku mal-delitti ta’ Caruana Galizia u Carmel Chircop. Gafa żied jgħid li lbieraħ il-Pulizija kkonfiskaw żewġ karozzi, aktar minn €70,000 fi flus kontanti, armi tan-nar, magni li jintużaw biex jingħaddu l-flus, 25 mowbajl, u żewġ laptops minn residenzi fil-Baħrija u s-Swieqi.
Għaxar karozzi oħrajn li nstabu f’waħda mir-residenzi huma mistennijin li jiġu kkonfiskati wkoll.
Intant huwa qal li l-Pulizija talbet lill-Europol biex tanalizza t-tagħmir elettroniku li ġie kkunfiskat mill-Pulizija.