Kumpanija lokali tapplika r-riċerka biex toħloq teknoloġiji ġodda

Il-Kumpanija HandsOn Systema hija kumpanija lokali li fl-aħħar 10 snin mit-twaqqif tagħha applikat ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex toħloq teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda li mbagħad tikkumerċjalizzahom ma’ diversi klijenti lokali u internazzjonali. Dawn l-innovazzjonijiet jintużaw f’prodotti u sistemi li jtejbu l-operat tal-azjendi u jsaħħu l-kwalità tal-ħajja f’diversi oqsma importanti bħas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent. 

Fi żjara li għamel f’din il-kumpanija fil-Mosta Techno Park il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici faħħar il-ħidma li tagħmel din il-kumpanija fejn bir-riċerka tagħha toħloq soluzzjonijiet f’setturi bħall-“unmanned Aerial Vehicles”, vetturi elettriċi u applikazzjonijiet li jużaw l-aħħar teknoloġiji, bħalma huma l-RFID, fl-oqsma tat-tracking u fil-qasam tal-internet tal-oġġetti. 

Huwa qal li din il-kumpanija wettqet anke riċerka b’fondi tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) bħala parti minn proġett ikbar sabiex toħloq innovazzjonijiet f’aspett mill-ħidma loġistika marbuta mas-settur tal-avjazzjoni. Sostna li l-portafoll ta’ klijenti internazzjonali ta’ din il-kumpanija huwa wieħed b’saħħtu ħafna u jawgura tajjeb għal iktar ħidma f’dan is-settur għall-futur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija Geoffrey Farrugia sostna li din il-kumpanija llum timpjega 35 persuna fl-oqsma tar-riċerka u fetħet suq u għandha uffiċji reġjonali f’diversi nħawi madwar id-dinja fosthom l-Italja, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Awstralja u l-Amerika t’Isfel. 

Matul iż-żjara l-Ministru Bonnici ntwera l-aħħar soluzzjonijiet li ġew riċerkati minn din il-kumpanija bħalma huma sistemi ta’ tracking fil-qasam ta’ trasport, fl-isptarijiet u anke fl-azjendi.

Share With: