“Kull mewta traġika fit-Tarzna kienet tkun musmar f’qalbu”

Bint Lino Gatt tgħid li għal missierha u l-familja tagħhom t-traġedja ta’ Um el Faroud kienet kbira wisq

Minn Maria Azzopardi

Kien it-3 ta’ Frar 1995. Il-ħin kien l-10.25 p.m. Sitta u għoxrin sena ilu iżda qisu lbieraħ. L-eku tat-traġedja tal-vapur Um El Faroud għadha tidwi fil-memorja ta’ ħafna, liema traġedja ħasdet il-ħajja ta’ disa’ ħaddiema li kienu George Aquilina ta’ 24 sena minn Ħal Qormi, Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt, Mario Hales ta’ 39 sena mill-Imqabba, Simon Mifsud ta’ 26 sena mill-Birgu, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar u Anthony Vassallo ta’ 29 sena minn Ħad-Dingli. Dawn il-ħaddiema ħarġu mid-dar tagħhom biex jaqdu dmirhom iżda qatt ma rritornaw lura f’darhom. Bosta kienu dawk li qalu li min iħalli ħajtu fuq il-post tax-xogħol huwa l-veru martri.

Fl-isfond ta’ dan l-anniversarju, Inewsmalta tkellem ma’ Marika Camilleri, bint Lino Gatt li kien Direttur fil-Kunsill tat-Tarzna għal ħafna snin. Qaltilna kif kull mewta traġika li kienet isseħħ ġewwa t-Tarzna kienet tkun musmar f’qalbu. Żiedet tgħid li l-familjari tal-vittmi baqgħu jħobbuh u kienu saħansitra jżuruh ta’ spiss. “Kien sar parti mill-familji tagħhom u għadhom jiftakruh issa li ħalliena. Issa qiegħed ħdejhom u waqaf jibki,” qalet Marika.

Kull ġimgħa kien imur fuq l-oqbra tagħhom jitlob u hekk għamel sakemm saħħtu ma tagħtux iżjed

Sfortunatament Lino Gatt ħalla din id-dinja proprju ftit tal-jiem ilu. Lino kien deskritt bħala bniedem ħabbrieki, b’qalb tad-deheb li ħadem u għen ħafna nies matul ħajtu, speċjalment ħaddiema tat-tarzna. Għal Lino t-Tarzna kienet il-ħajja tiegħu. Dak kollu li kien jemmen fih kien idur mal-ħaddiem u l-aħjar tiegħu. Bintu tgħid li għal missierha u anke l-familja tagħhom it-traġedja tal-Um el Faroud kienet kbira wisq.

“Missieri kien tredjunjonista u l-ħaddiem u min kien ikun fil-bżonn kieni l-ewwel għalih. Missieri ma kienx hemm kulur u l-inġustizzja kien jiġġildilha. Kien dejjem jisħaq mal-ħaddiema biex jilbsu s-safety gear u kien jiġbed widnejn dak li jonqos milli jobdi u jieħu ħsieb għal xi nuqqas,” qalet bint Lino.

Kien ħa ħsieb il-ko-ordinazzjoni tal-funeral ta’ dawn il-vittmi sal-anqas dettall

Żiedet tgħid: “Għal missieri u anke l-familja tagħna din it-traġedja kienet kbira wisq. Hu kien ħa ħsieb il-ko-ordinazzjoni tal-funeral ta’ dawn il-vittmi sal-anqas dettall. Ġranet u iljieli sħaħ jibki, jinkwieta u jiġġieled għall-familji biex fix-xhur u snin sħaħ ta’ wara jirċievu l-għajnuna meħtieġa.”

Qalet kif kull ġimgħa kien imur fuq l-oqbra tagħhom jitlob u hekk għamel sakemm saħħtu ma tagħtux iżjed.

F’intervista li kienet saritlu fl-2012, Lino kien tkellem fuq ix-xena tal-biża’ li kien sab hu u dawk kollha li dakinhar tat-traġedja kienu marru fuq il-post biex jaraw x’ġara.

Lino Gatt

Bintu qalet li sitt xhur wara dik l-intervista lil missierha qalulu li kellu l-Parkinsons u d-dimenzja. Iżda l-mard ma neħħilux l-memorja ta’ ħutu tat-Tarzna. Fil-fatt bintu qalet li kien jitkellem biss fuq it-Tarzna u tgħollilu l-moral allavolja din it-traġedja hekk kbira ħakkmitu minn saħħtu.

Bosta jiddeskrivu t-traġedja bħala xena tal-biża’

26 sena wara bosta huma dawk li għadhom jiftakru f’din it-traġedja, liema traġedja kienet deskritta bħala xena tassew tal-biża’. Fuq il-midja soċjali bosta kienu dawk li rrakkontaw dak li kienu jiftakru minn dak il-lejl fosthom bint li qalet li tiftakar ċar lil missierha kemm kien beka xħin wasal lura d-dar u qalet li sa ftit sigħat qabel ma’ ġrat id-diżgrazzja, missierha kien fuqu imma għall-grazzja t’Alla kien laħaq niżel minn fuqu. Persuna oħra qalet li tiftakar lil missierha jmur jiġri biex jara x’ġara u jaraw daħna mill-galarija. Fost il-persuni li kitbu dwar din it-traġedja kien hemm ukoll id-Deputat Laburista Oliver Scicluna li qal: “Kelli biss 8 snin iżda niftakar eżatt il-mument, li ħassejna it-theżżiża. Niftakar lill hija jħossu panikuż għax qalbu ħabritu li ġara xi ħaġa fejn kien jaħdem u li sħabu jaf kienu fil-periklu jew agħar kif fil-fatt ġara. Niftakar l-għada ninżlu viċin il-post u naraw sfreġju, xena tal-biża.”

Share With: