“Konvint li se ngħaddu mit-test tal-Moneyval” – Zammit Lewis

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis iddikjara fil-Parlament li huwa jinsab konvint li Malta se tgħaddi mit-test tal-Moneyval.

Huwa stqarr dan fi tmiem id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li se tirregola l-professjoni legali fosthom bit-twaqqif ta’ reġistru li fih se jkun hemm imniżżla l-avukati u d-ditti legali.

Din il-liġi tressqet proprju biex tindirizza l-pariri li saru lill-Gvern Malti mill-Moneyval u hija waħda minn sensiela li l-Gvern ressaq biex jindirizza t-tħassib tal-istess Moneyval.

Fid-diskors li għamel fl-għeluq tad-diskussjoni, Zammit Lewis irrefera għall-kritika li saret min-naħa tal-Oppożizzjoni li din il-liġi hija nofsha misjura u b’mod ironiku qal li jekk Gvern Nazzjonalista ħaseb fuq liġi simili tefaha fil-forn u ħallih mitfi.

Huwa irrimarka li jinsab konvint li se ngħaddu t-test tal-Moneyval għax il-Gvern ressaq 40 abbozz fil-15-il xahar li matulhom huwa kien responsabbli mill-qasam tal-ġustizzja.

Zammit Lewis insista li l-affarijiet qed isiru u qed jaħdmu waqt li semma kif il-poteri tal-Prim Ministru u tal-ministru responsabbli mill-ġustizzja naqsu. Huwa irrefera wkoll għall-ġudikatura u waqt li faħħarha mil-lat ta’ imparzjalità sostna li baqa’ ħafna x’isir mil-lat ta’ effiċjenza.

Il-ministru responsabbli mill-ġustizzja semma wkoll kif huwa ikkonsulta mal-Kamra tal-Avukat u waqt li sostna li fuq ċertu affarijiet ma qablux stqarr li ħafna mill-kunċetti tagħha qegħdin fil-liġi u n-nuqqas ta’ qbil kien fid-dettalji.

Il-liġi kif approvata tagħmilha possibbli li fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja avukat jitwaqqaf milli jipprattika l-professjoni jekk ma jibqax jitqies bħala persuna “tajba u xierqa”, jekk tonqos li tissodisfa l-obbligazzjonijiet skont il-liġi dwar il-ħasil tal-flus, tkun instabet ħatja ta’ serq jew frodi u jekkikun ibati minn mard tal-moħħ li jaffettwa xogħlu.

Mhux biss l-avukati fuq bażi individwali se jkunu fir-reġistru li se jitwaqqaf imma anke ditti legali fejn iridu japplikaw qabel ma jiġu aċċettati.

Share With: