Kontijiet orħos u €9 miljun diretti fil-bwiet tan-nies

Skemi ġodda għall-użu tal-enerġija rinnovabbli mid-djar se jwasslu għal €9 miljun fi bwiet il-familji  Maltin u Għawdxin. Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli  ħabbret l-akbar investiment fir-rinnovabbli għad-djar.  

L-investiment li tħabbar jindirizza miżura oħra tal-baġit kif ukoll wegħda elettorali. Il-Ministru  Miriam Dalli ħabbret ukoll numru ta’ skemi ġodda għall-familji biex jinvestu f’enerġija solari ħalli  mid-dar tagħhom ikunu jistgħu jiġġeneraw, jaħżnu u jiffrankaw il-kontijiet tad-dawl tagħhom.  

Tħabbar ukoll li dawk li skaditilhom l-iskema wara sitt jew tmien snin se jidħlu fis-sistema ta’ feed in tariff eżistenti llum għal perjodu ta’ 20 sena – perjodu li jkopri l-ħajja tal-pannelli. Dan ifisser li  min applika għal sistema li skadiet wara sitt snin, se jidħol fis-sistema eżistenti għal 14-il sena oħra,  u min tpoġġa fuq sistema li skadiet wara tmien snin, se jidħol fis-sistema eżistenti għal 12-il sena  oħra. 

“Matul dawn l-aħħar snin, irreġistrajna progress konsiderevoli u l-mira Ewropea ta’ 10% ta’ enerġija  mir-rinnovabbli sal-2020 ilħaqniha. Dan itina kuraġġ akbar biex inkunu ambizzjużi u nkomplu mexjin  f’din id-direzzjoni. Se nkomplu noffru skemi tajbin biex il-familji u n-negozji jkollhom l-opportunità  li jinvestu f’enerġija nadifa u rinnovabbli”, qalet il-Ministru Miriam Dalli. 

L-iskemi offruti huma intiżi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tan-nies u jaħsbu f’min diġà investa  biex dak l-investiment ikompli jrendi. 

Qed tingħata wkoll opportunità aktar b’saħħitha għal min irid jinvesti fil-batteriji, biex fid-dar ikollu  sistema ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija, ħażna u użu ta’ dak is-sors skont meta jkollu bzonn, anke bil lejl. 

“Qed ninċentivaw lin-nies ikunu aktar effiċjenti u sostenibbli. Irridu ngħinuhom jinvestu biex ikollna  enerġija aktar nadifa, ikollhom kontijiet orħos u jkunu fiċ-ċentru tal-bidla li qed nagħmlu”, qalet il Ministru Dalli. 

Preżenti għat-tnedija tal-iskema 2021 kien hemm rappreżentanti mir-Regolatur għas-Servizzi tal Enerġija u l-Ilma, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra għall Intrapriżi Żgħar u Medji u l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin.

Share With: