Konrad Mizzi jirrifjuta li jixhed f’kawża tal-PN

L-eks-ministru responsabbli mill-oqsma tas-saħħa u l-enerġija Konrad Mizzi irrifjuta li jwieġeb domandi fil-kawża li fetaħ l-eks-Kap tal-PN Adrian Delia biex it-tliet sptarijiet immexxijin minn Steward Healthcare jgħaddu f’idejn il-Gvern.

Mizzi kien mistoqsi dwar il-ftehim li bih il-Gvern għadda t-tmexxija tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex lill-kumpanija Vitals mbagħad din għaddithom lil Steward.

Minkejja l-insistenza ta’ Delia, tal-Avukat Edward Debono li kien qed jakkumpanjah u f’ċertu waqtiet tal-Imħallef Francesco Depasquale huwa baqa’ jgħix “nagħżel li ma nweġibx” għall-mistoqsijiet.

Huwa iddeskriva l-atteġġjament tal-imsemmi avukat bħala li qishom torturi u nsista li huwa ma kellux problema biex jixhed meta l-inkjesti li jikkonċernaw lilu jintemmu.

Sadanittant, fil-ħin li kien fuq il-pedana tax-xhieda, Mizzi tella stqarrija fuq il-profil tiegħu tal-Facebook fejn ta rendikont tal-pjanijiet tal-Gvern b’rabta ma’ dan il-każ.

Mizzi fakkar li f’dan il-proġett inħarġet sejħa pubblika, l-għażla saret minn bord tal-għażla u kienet approvata mill-Kabinett li kien jiġi aġġornat bl-iżviluppi tan-negozjati kemm mal-Vitals kif ukoll ma’ Steward.

Huwa sostna li kien hemm mill-inqas 14-il approvazzjoni tal-Kabinett għal fażijiet u aspetti tal-proċess kollu. minbarra ‘briefings’ li kienu jsiru regolarment, u li dawn kollu sabu l-approvazzjoni ta’ sħabu l-ministri preżenti.

Share With: