Keith Schembri ma jibqax aktar fuq police bail

L-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, mhux se jkun qed jibqa’ aktar fuq police bail wara li investigazzjoni fil-konfront tiegħu mit-taqsima tar-reati finanzjarji ġiet mitmuma. Qal dan l-Avukat tiegħu Edward Gatt f’kummenti li għadda lill-ġurnalisti barra d-dipartiment tar-reati finanzjarji fil-Ħamrun, fejn tenna m’għadx hemm il-ħtieġa li l-investigazzjoni tibqa’ għaddejja.

Din kienet it-tieni investigazzjoni li kienet għaddejja fil-konfront ta’ Schembri.

Gatt ikkonferma li Schembri ġie mistoqsi fir-rigward ta’ chats fuq WhatsApp li Schembri kellu ma’ persuni oħrajn.

L-eks-Ministru Konrad Mizzi deher dieħel fil-binja tad-dipartiment tar-reati finanzjarji matul il-ġurnata tal-bieraħ, fejn dam għal madwar 90 minuta.

Schembri u Mizzi kienu rriżenjaw mill-karigi tagħhom kważi sena ilu, b’rabta mal-kriżi politika li qamet b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huma dejjem ċaħdu kull involviment tagħhom.

Share With: