Kandidat Laburista jipproponi sptar b’xejn għall-annimali

Miktub minn Maria Azzopardi

Il-Kandidat għall-Partit Laburista fuq it-3 distrett elettorali Ray Abela qiegħed jipproponi li jsir sptar b’xejn għall-annimali. Ma’ dan is-sit, huwa spjega li l-ħsieb wara din il-proposta huwa fl-isfond tal-ispejjeż esaġerati u bla kontroll tal-veterinarji li ovjament ħafna min-nies bi dħul baxx u medju litteralment lanqas ilaħħqu magħhom. 

Abela qal li l-annimali għandhom id-dinjità wkoll u nies li jixtiequ jaddottaw pet u m’għandhomx riżorsi finanzjari għandhom jingħataw is-sapport li hemm bżonn. Fost l-oħrajn semma fil-każ ta’ familji bi dħul baxx, li faċilment jiġu identifikati fis-soċjetà tagħna, jew f’każ ta’ anzjan li għandu kelb li huwa importanti għalih biex ikisser is-solitudni u jkun ta’ wens għalih iżda sfortunatament m’għandux il-mezzi. Għal dawn ir-raġunijiet, Abela jemmen li dawn il-faxex ta’ nies b’mod speċjali jeħtieġ li jkollhom is-sapport neċessarju. 

Abela qal: “L-ewwel ħaġa li għandha ssir hija li jsir kontroll fuq il-miżati ta’ dawn il-vets. It-tieni nett kellna l-isptar li kien tal-gvern ġewwa Ta’ Qali u dan ġie privatizzat u l-istess il-miżati ġew esaġerati. Jien qed nipproponi illi bażikament il-Gvern jinvesti fi sptar għall-annimali, li jkun hemm numru ta’ vets ġewwa fih illi jħallashom il-gvern u li persuna tmur u jekk għandha ċertu dħul baxx, din tingħata sussidju.”

Abela spjegalna li huwa diġà għamel stimi tal-ispejjeż u dak li jissejjaħ ‘business model’ għal din il-proposta li tassew wieħed jista’ jgħid li d-dettalji ta’ dawn huma impressjonanti. Fost l-oħrajn semma li meta nidħlu fi stadju ta’ spejjeż wieħed jevalwa dik il-miżata marġinali li wieħed jista’ joħroġ bħala donazzjoni u sostenn favur dan il-proġett. Semma kif: “Jista wieħed ikollu card li jintitolah għal servizz b’xejn bħal pereżempju anzjani, nies u familji bi dħul baxx u nies li jkunu adottaw. Dawn jieħdu preċedent filwaqt li nies oħra jħallsu miżata raġonevoli.”

Abela staqsa: “Għaliex m’għandux ikollna Mater Dei tal-annimali li fih il-gvern jinvesti l-apparat li hemm bżonn u jkollok numru ta’ vets u ttihom paga u tkun tista’ tgħid li għandek dan l-isptar miftuħ il-ħin kollu?” 

Żied jgħid li huwa qed jipproponi dan kollu għax għandu għal qalbu ħafna l-annimali u għax jisma l-karba tan-nies. Fost l-oħrajn semma li kellu każ fejn il-kelba ta’ persuna ttajret u sfortunatament kellha problema fix-xewka tad-dahar. Semma kif f’dan il-każ il-veterinarju talab lil din il-persuna biex issir operazzjoni li tiswa €1,500. Minħabba li din il-persuna ma kellix minn fejn, it-tabib qalilha li ma kienx hemm x’jista’ jiġri ħlief li jraqqduha. Abela semma kif din il-persuna għamlet appell u huma flimkien ma’ ħafna persuni oħrajn ġabru dawn l-€1,500 peress li din il-persuna ma kellix mezzi finanzjarji. Huwa għalhekk li Abela jemmen bi sħiħ f’din il-proposta għax jemmen li hawn ħafna nies li jiġu f’din id-diffikultà meta jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet simili fejn il-kelb jew il-qattus tagħhom ikollhom bżonn operazzjoni.

“Fl-aħħar nett ma nistax ma nsemmix u tassew infaħħar is-sehem ta’ ħafna għaqdiet u santwarji tal-annimali. Dan l-isptar propost jgħaqdi wkoll għal annimali oħra bħal tjur u speċi oħra li wara kollox huma pets ukoll. Fl-isfond fejn qed jinbtu għaqdiet u cat gardens fil-Kunsilli, dawn għandu jkollhom dan is-servizz b’xejn ukoll sakemm jimxu skont il-qafas ta’ regolamenti li għandhom joħorġu mill-Kummissarju tal-Annimali,” temm jgħid Abela.

Share With: