Joseph Muscat: “Kien wieħed minn dawk il-mumenti fejn il-politika ma tgħodd xejn, u jgħodd biss il-pajjiż”

“Kien wieħed minn dawk il-mumenti fejn il-politika ma tgħodd xejn, u jgħodd biss il-pajjiż.” Hekk qal l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’messaġġ fuq il-midja soċjali hekk kif għamel referenza għall-10 anniversarju minn meta żewġ bdoti ta’ ajruplani tal-gwerra Libjani kienu talbu kenn f’Malta.

Muscat qal li Lawrence Gonzi, li kien il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, kien tkellem miegħu dwar is-sitwazzjoni.

F’intervista li xxandret fuq l-istazzjon nazzjonali TVM, Gonzi qal li “kkonsultajt lill-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat. Għidtlu din hi s-sitwazzjoni u jien irrid niddeċiedi x’se nagħmel b’dawn iż-żewġ ajruplani. Huwa kien qalli jien nifhem id-diffikultà, inti ħu d-deċiżjoni u aħna nappoġġjaw id-deċiżjoni li tkun ħadt.”

Filwaqt li kkonferma dan, Muscat qal li s-sitwazzjoni ma kinitx waħda sempliċi, hekk kif kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Gvern Malti seta’ jkollha riperkussjonijiet, inkluż xi tip ta’ ritaljazzjoni fuq ċittadini Maltin fil-Libja jew fuq Malta nnifisha.

Muscat tenna li “għalhekk kont fhimt li Dr Gonzi kellu l-aħjar pożizzjoni u informazzjoni biex jiżen u jiddeċiedi, u wegħdtu appoġġ inkundizzjonat. Għamilt dan wara li tkellimt fit-tul ma’ Dr George Vella, illum President ta’ Malta, u konna fuq l-istess linja ta’ ħsieb.”

Muscat żied jgħid li dak iż-żmien kien hemm min kien jgħidlu li bħala Oppożizzjoni kienu qed ikunu kwieti wisq u jħallu lill-Partit Nazzjonalista jimxi bla kritika. “ien dejjem sostnejt u nibqa insostni li attitudni pożittiva dejjem tagħti iktar frott fit-tul. Il-familji fil-kwiet ta’ djarhom apprezzaw dan. Kif m’apprezzawx fis-snin ta’ wara Oppożizzjoni negattiva li ħsiebha biss biex tiġbed attakki lejn pajjiżna.”

Huwa temm jgħid li “sfortunatament fil-ġimgħat ta’ wara dak li ddeskriva Dr Gonzi, kien hemm kampanja minn xi esponenti tal-Partit Nazzjonalista li ppruvaw ipinġu lill-Partit Laburista bħala li konna qed niffavorixxu lil Gaddafi.  B’din id-dikjarazzjoni ta’ Dr Gonzi, iż-żejt tela f’wiċċ l-ilma, 10 snin wara. Iż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma.”

Share With: