Jitnieda kors ta’ għarfien għall-uffiċjali fix-xena tar-reat kriminali

Malta Laboratories Networks, b’kollaborazzjoni mal-Bord Nazzjonali għall-Akkreditazzjoni u l Korp tal-Pulizija, nedew kors mifrux fuq jumejn li permezz tiegħu 33 uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija se jiġu mħarrġa aktar fuq ix-xena tar-reat kriminali skont l-istandard internazzjonali ISO 17020. Dan il kors se jinkludi żewġ gruppi differenti u se jintensifika fuq il-qasam forensiku rekwiżit illum il ġurnata permezz ta’ apparat u metodi xjentifiċi innovattivi. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal li x-xjentisti fil-qasam tal-forensika għandhom ikunu mgħammra bl-aqwa tagħrif, ħiliet u  kompetenzi, permezz ta’ taħriġ kontinwu. Huwa żied jgħid li ż-żewġ entitajiet li jaqgħu taħt d dikasteru tiegħu, il-Malta Laboratories Network u l-Bord Nazzjonali għall-Akkreditazzjoni, qed  jaħdmu id f’id f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-qasam tal-forensika sabiex  jagħtu l-aħjar opportunitajiet għal taħriġ f’oqsma differenti fil-livell tekniku, u biex flimkien nersqu  iktar lejn akkreditazzjoni kif mitluba mil-Unjoni Ewropea. 

Deo Debattista rringrazzja lill-Kummissarju tal-Puliżija Angelo Gafà għall-kooperazzjoni sħiħa u  kontinwa li joffri lill-Malta Laboratories Network u talli jsostni inizjattivi li jwasslu sabiex il-Korp  tal-Puliżija u l-qasam tal-forensika jkomplu javvanzaw ‘il quddiem b’mod mgħaġġel. Is-segretarju  parlamentari rringrazjah ukoll tax-xogħol li qed isir bħalissa meta għajn id-dinja tinsab fuq pajjiżna.

Share With: