Jinġabru €311,017 għal Hospice Malta waqt maratona ġbir ta’ fondi

Il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq Hospice Malta ġiet fit-tmiema, f’nofsilejl, il-bieraħ l-14 ta’ Frar, bis-somma miġbura tilħaq it-€311,017, 

Il-fondi nġabru b’risq il-proġett St Michael Hospice li se jservi bħala l-ewwel kumpless għall-kura paljattiva f’Malta, u jgħin lill-eluf ta’ pazjenti u familji tagħhom li llum jużaw is-servizzi tal-Hospice b’xejn.

Hospice Malta tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lill-pazjenti li qed jissieltu mal-kanċer, motor neuron disease, mard tal-qalb, mard respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied. Bħalissa Hospice tgħin iktar minn 1,300 familja fis-sena, b’iktar pazjenti jiġu bżonn is-servizzi tagħhom.

Minkejja l-pandemija tal-COVID-19, Hospice Malta sabet appoġġ minn numru ta’ personalitajiet, organizzazzjonijiet u entitajiet kummerċjali, kemm fil-preparazzjonijiet għall-maratona, kif ukoll fil-ġurnata tal-maratona li seħħet f’jum San Valentinu.

Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, is-sinjura Bernadette Bonnici Kind esprimiet ir-ringrazzjament tagħha ghall-ġenerożita’, tal-poplu Malti u Għawdxi. “Nirringrazzja lil kull min kien involut magħtul il-ġurnata u lil dawk kolla li taw id-donazzjoni tagħhom, kif ukoll pledges. Qegħdin naħdmu sabiex mill-aktar fis niftħu St Michael Hospice u nwessgħu s-servizzi tagħna lil dawk li għandhom bżonnhom.”

Hospice Malta affaċċjat numru ta’ diffikultajiet relatati mal-pandemija COVID-19, speċjalment biex jinġabru l-fondi meħtieġa biex isostnu s-servizzi tal-Hospice. Għaldaqstant il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jibqa’ jagħti d-donazzjonijiet lil Hospice Malta permezz tas-sit https://hospicemalta.org/supporting-hospice/donations/

Għal aktar informazzjoni żur www.hospicemalta.org 

Share With: